Is-sena elfejn u sbatax għall-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji kienet waħda impenjattiva, li fiha ġie rreġistrat tkabbir notevoli fl-operat u s-superviżjoni li twettaq.
Dan għal settur li llum il-ġurnata jgħodd għal ħdax fil-mija tal-ekonomija Maltija.
B’żieda fl-aħħar tliet snin ta’ tliet mija u sittin, telgħu għal elfejn, mija u tmenin il-liċenzji maħruġa mill-MFSA.
Ir-rapport Annwali tal-Awtorità għall-elfejn u sbatax juri kif l-elfejn u sbatax fisser fost l-oħrajn ir-reġistrazzjoni ta’ kważi ħamest elef u tliet mitt kumpanija, u mija u disa’ partnerships; biex dawn ammontaw għal total ta’ tmienja u erbgħin elf, ħames mija u tlieta.
Dan flimkien ma’ sebgħa u disgħin fond ta’ investiment ġdid, biex fondi ta’ dawn f’pajjiżna fl-elfejn u sbatax telgħu għal valur nett ta’ għaxra punt sitta biljun ewro; żieda ta’ sebgħa punt tmienja fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Fl-istess sena mija u sitt kumpaniji ttrasferew l-operat tagħhom f’Malta.
106 KUMPANIJI TTRASFEREW L-OPERAT TAGĦHOM F’MALTA
Is-sena li għaddiet fissret ukoll iktar minn mitt notifika regolatorja, tlieta u għoxrin miżura amministrattiva jew penali, u tlieta u tmenin ċirkolari mibgħuta lill-industrija.
Il-kuntatt mal-pubbliku ma naqasx.
Minbarra li nħarġu ħames twissijiet lill-pubbliku u kien hemm elf u tliet mitt risposta għal talbiet bil-miktub.
Il-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità, Joseph Cuschieri spjega kif l-Awtorità investiet ammont qawwi ta’ riżorsi biex issaħħaħ il-proċess ta’ due diligence, kemm qabel kif ukoll wara l-ħruġ tal-liċenzji.
Dan biex ikun żgurat li Malta tilħaq l-aspettattivi fuqha bħala ġurisdizzjoni rispettabbli.
Tenna li bħala Awtorità iħarsu ’l quddiem li jilqgħu opportunitajiet li jiġu minn teknoloġiji finanzjarji ġodda, blockchain u mezzi oħra ta’ innovazzjoni diġitali.