L-Awtorità Maltija għas-servizzi finanzjarji, l-MFSA, ippubblikat l-pjan strateġiku tagħha għat-3 snin li ġejjin.
Pjan li tħejja wara konsultazzjoni mal-entitajiet liċenzjati u jiddentifika għadd ta’ prijoritajiet li l-għan tagħhom huwa li jilqgħu għall-iżviluppi innovattivi u t-teknoloġiċi tal-MFSA.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri qal li l-għan tal-pjan strateġiku huwa sabiex l-awtorità tkompli tissaħħaħ u titħejja għall-ġenerazzjoni li jmiss tas-servizzi finanzjarji. Saħaq li l-impenn tal-awtorità huwa li toffri ambjent aktar sigur, dinamiku u effiċjenti għall-benefiċċju tal-konsumatur u l-entitajiet regolatorji.
Cuschieri qal “Il-pjan narah ħafna li għandu l-feedback mill-istituzzjonijiet. Ikkonsultajna mal-MoneyVal, imf. European central bank. Naħdmu magħhom mill-qrib u nagħtu kas tar-rakkomandazzjonijiet li jagħmlulna”.
Fost il-prijoritajiet għat-3 snin li ġejjin hemm il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja.
L-awtorità se tinvesti wkoll tnax-il miljun ewro fl-izvilupp teknoloġiku sabiex l-MFSA tilqa’ għall-isfidi u l-opportunitajiet li jinħolqu mit-teknoloġija u l-inovazzjoni. Filwaqt li tissokta taħriġ tal-impjegati.
Cuschieri sostna “Inżiedu l-standards, apparti li jkollna staff imħareġ u aktar staff, naraw kif inħaddmu u ninvestu fit-teknoloġija biex naqdu dmirijiet”.
Is-Sur Cuschieri ħabbar ukoll li l-Awtorità qiegħda taħdem fuq pjan ta’ ħames snin li se jġib miegħu riforma fil-mudell ta’ finanzjament tal-awtorità. Dan sabiex mill-2024 l-MFSA tkun tista’ tiffinanzja lillha nfisha, skont il-mudell finanzjarju ta’ regolaturi ewropej oħra.
Cuschieri temm jgħid “Ikollna pjan għal hames snin fejn l-awtorità ikollha iktar dħul u topera fuq bażi indipendenti. Kif inhuma ffinanzjati istituzzjoni mil-license holders biex ma tiddependix fuq il-gvern ċentrali”.