L-Awtoritá għas-Servizzi Finanzjarji Maltija, qed tipprevedi sena pożittiva oħra għas-servizzi finanzjarji f’Malta b’ċans ta’ tkabbir ikbar minn din is-sena.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri f’intervista ma’ ONE News b’reazzjoni għar-rapport annwali ppubblikat għal din is-sena.
Is-Sur Cuschieri qal li: “It-tkabbir ta’ 9.5% naħseb li jista’ jkun iktar minn hekk u naħseb li b’dan l-investiment li qiegħdin nagħmlu nemmen li s-settur ħa jkun issettjat fuq settur sostenibbli.”
Meta mistoqsi dwar x’qed tagħmel l-awtorità biex is-settur ikompli jimraħ, is-Sur Cuschieri semma miżuri favur il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
“L-Awtoritá għadha kif waqqfet unit speċjaliżżat. Unit li magħmul minn tim lokali Maltin pero anke għandna għaxar esperti barranin jaħdmu magħna bħalissa biex jgħinuna nsaħħu, nżidu l-kwalitá u l-intensitá tas-superviżjoni tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-liċenzja Maltija tal-MFSA”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA.
Huwa semma wkoll investiment ta’ 12-il miljun ewro fit-teknoloġija mqassam fuq pjan ta’ tliet snin.
Cuschieri qal: “Biex ovjament aħna jkollna infrastruttura teknoloġika u anke l-immaniġjar tal-informazzjoni fuq livell għoli. Qed ninvestu iktar anke fir-riżorsi tagħna. Qed nimpjegaw iktar nies għax anke l-istituzzjonijiet Ewropej ilhom jgħidulna li l-Awtoritá għandha bżonn tissaħħaħ għandha bżonn iktar riżorsi biex tkun tista’ tagħmel superviżjoni iktar effettiva tal-liċenzja tal-operaturi li joperaw fil-ġurisdizzjoni tagħna.”
Madankollu dan mhux kollox għax l-awtorità qed tara li ssaħħaħ l-istrutturi tradizzjonali fis-settur finanzjarju u qed taħdem ukoll sabiex tkun fuq quddiem fl-oqsma tal-FINTECH u t-teknoloġija finanzjarja.