L-Awtorità Maltja għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, issa għandha Kap Eżekuttiv ġdid wara li l-bord tal-gvernaturi ħatar lil Joseph Gavin fil-kariga. Hu se jinħatar fl-irwol b’mod uffiċjali f’Settembru li ġej u se jkun responsabbli mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Awtorità, u se jkun membru wkoll fil-bord tal-gvernaturi.
Joseph Gavin intagħżel wara li ġew sottomessi applikazzjonijiet lokali u internazzjonali. Wara sar assessjar minn Kumitat apposta li tmexxa mill-Professur Taljan Carlo Cottarelli.
Joseph Gavin serva fil-Bank Ċentrali tal-Irlanda bejn l-2009 u l-2015 fi żmien fejn dan kien għaddej minn tibdil strutturali sinifikanti. Għandu esperjenza wkoll f’ditta legali Irlandiża fejn kien imexxi s-Servizzi Finanzjarji, apparti li kien wieħed mis-sħab tad-ditta.
Fi stqarrija l-MFSA rringrazzjat lil Christopher Buttigieg, li serva ta’ Kap Eżekuttiv minn Ottubru li għadda, u li fi kliemha kien strumentali għall-Awtorità f’dan iż-żmien ta’ sfida.