L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (“MFSA”) ħarġet twissija dwar sit elettroniku li jidher malizzjuż bl-isem Primetradingbot, u li għandha preżenza fuq l-Internet fis-sit https://www.primetradingbot.com/.
Għalkemm din l-entità tindika li qed topera minn indirizz f’Malta, l-MFSA ma temminx li dan hu l-każ. Minn informazzjoni disponibbli għand l-MFSA, Primetradingbot jidher programm ta’ investiment b’imgħax għoli marbut ma’ investiment fil-Bitcoin.L-MFSA wissiet lill-pubbliku f’Malta u barra li Primetradingbot mhix liċenzjata jew awtorizzata b’xi mod ieħor mill-MFSA biex tipprovdi xi servizzi ta’ investiment finanzjarji li għalihom hi meħtieġa liċenzja jew awtorizzazzjoni oħra taħt il-liġi Maltija. Aktar minn hekk, informazzjoni disponibbli għand l-MFSA tindika li https://www.primetradingbot.com/ aktarx li hi skema ta’ natura dubjuża b’riskju għoli ta’ telf ta’ flus. Għaldaqstant, konsumaturi tas-servizzi finanzjarji m’għandhomx jidħlu f’negozju jew tranżazzjonijiet mal-entità msemmija hawn fuq.
L-MFSA appellat lill-investituri u konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex qabel ma jagħmlu kwanlunkwe investiment jew jidħlu f’ebda transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji jaċċertaw lilhom infushom li l-entità, li magħha qed isir l-investiment jew it-transazzjoni, hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji kif applikabbli.