L-Awtorità għas-servizzi finanzjarji fi stqarrija wissiet lill-pubbliku li sakemm l-awtorità tgħid mod ieħor il-bank Satabank p.l.c li jopera mill-Aragon Business Centre f’San Ġiljan, ġie ordnat jieqaf jopera. Dan hekk kif mhux ser ikun jista’ jirċievi u jaċċetta depositi ta’ flus fil-kontijiet tal-klijenti. Dan filwaqt li mhux ser ikun jista’ jaċċetta klijenti ġodda u li għandu jżomm lura milli jagħmel tranżazzjonijiet u attività bil-flus mill-kontijiet tal-Bank jew mill-assi tal-klijenti. L-istqarrija kompliet tgħid li l-bank Għandu jagħmel minn kollox sabiex jipproteġi kull rikordju u dokumenti li huma relatati man-negozju u l-klijenti tagħhom. Din id-data ma tistax tkun mibdula bl-ebda mod u li tkun aċċessibli mill-awtorità.
Fl-istess stqarrija l-awtorità qalet li hija appuntat id-ditta Ernst and Young biex din tieħu kontroll tal-assi sabiex l-interessi tal-klijenti ikunu salvagwardjati.
Iktar tard, fi stqarrija seperata, il-Bank Ċentrali wkoll qal li kien qed jissospendi b’effett immedjat il-parteċipazzjoni tal-bank Satabank f’Target2- Malta.