B’effett mill-Ġimgħa, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA appuntat lil Stephen Paris bħala persuna kompetenti biex jieħu f’idejh ir-riedni taż-żewġ kumpaniji Zenith Finance u Zenith (Tied Insurance Intermediary).
Dan l-iżvilupp qed iseħħ fl-istess ġurnata, meta l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tad-diretturi tal-kumpanija Zenith, Matthew Pace u Lorriane Falzon fuq diversi kundizzjonijiet u anke tpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Fi stqarrija, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qalet kif Stephen Paris, li kellu esperjenza twila mal-kumpanija Deloitte Malta, se jieħu f’idejh l-assi u t-tmexxija tan-negozju Zenith Finance u Zenith (Tied Insurance Intermediary).
F’din l-istqarrija, l-MFSA nnutat kif ħarġet direttiva biex iż-żewġ kumpanija ma jaċċettawx klijenti ġodda, filwaqt li ma jipprovdux lill-klijenti taż-żewġ kumpaniji b’aktar servizzi.
L-MFSA qalet ukoll li ma għandhom isiru l-ebda tranżazzjonijiet ta’ flejjes tal-klijenti u nnutat li għandhom jitħarsu r-rekords kollha b’rabta mat-tmexxija tal-kumpaniji. Hija żiedet tgħid kif il-ħarsien tal-klijenti u l-assi tagħhom huwa l-għan ewlieni tal-awtorità.
Din il-ħatra ta’ Stephen Paris se tibqa’ fis-seħħ għall-perjodu ta’ sena bil-possibiltà li tiġġedded għall-iżjed żmien, filwaqt li ntqal li aktar tard se jingħataw id-dettalji ta’ dan il-kuntratt.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2021/03/26/falzon-u-pace-jinghataw-il-helsien-mill-arrest-u-jitpoggew-taht-att-takkuza/