L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-MFSA appuntat lill-kumpanija Ernst and Young Ltd (EY), bħala l-persuna kompetenti biex tissorvelja l-bank Satabank p.l.c. u tirrapporta dwar in-natura, it-tmexxija jew kwalunkwe aspett partikolari ieħor marbut mal-qadi xieraq tas-servizzi li joffri l-bank.
F’kumment lil one.com.mt, il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA, Joe Cuschieri, tenna li l-MFSA qegħda hemm biex tassigura li kull bank liċenzjat f’Malta jimxi b’integrità u serjetà sabiex is-sistema finanzjarja tagħna tibqa’ intatta. Cuschieri saħaq li f’dan il-każ, l-MFSA ħadet din l-azzjoni biex tkun tista’ tissorvelja iżjed mill-viċin l-operat ta’ Satabank biex b’hekk tkun tista’ tevalwa aħjar is-sitwazzjoni u tiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn azzjonijiet ulterjuri skont il-liġi. Skont avviż li ħarġet l-MFSA, din il-miżura se tibqa’ għaddejja sakemm l-Awtorità tavża mod ieħor.
B’reazzjoni għal dan l-avviż, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ stqarrija javża’ li Satabank plc huwa bank internazzjonali b’rabtiet minimi mal-ekonomija domestika ta’ pajjiżna.