Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA żdiedet b’mija u ħamsin fil-mija l-infurzar u l-ispezzjonijiet tagħha fuq entitajiet irreġistrati mal-awtorità, dan meta kkumparat mas-sena l-oħra.
Il-Kap tad-dipartiment tal-Infurzar fi ħdan l-MFSA, Michelle Mizzi Buontempo spjegat kif permezz taż-żieda fl-infurzar qed jiġu identifikati aktar in-nuqqasijiet minn uħud mill-entitajiet.
Hija stqarret: “Irriżulta li ovvjament niddentifikaw ċertu aktar breaches possibbilment u nuqqasijiet fl-entitajiet liċenzjati magħna. Dan ovvjament imbagħad qed jirrifletti fl-ammont ta’ azzjonijiet li qed nieħdu.”
Fl-aħħar sentejn l-MFSA investiet f’aktar użu ta’ teknoloġija li permezz tagħha għolliet il-livell ta’ effiċjenza fil-ħidma tagħha.
Is-Sinjura Mizzi Buontempo sostniet: “Qed nieħdu enforcement action fejn in-nuqqasijiet ta’ ċertu serjetà u kalibru li rridu ovvjament ninvestigaw.”
F’Awwissu, l-Awtorità ħarġet proċeduri ta’ infurzar fuq erba’ entitajiet. Tnejn minnhom; l-ARQ Fiduciaries Ltd u l-Grand harbour Trustees Ltd ġew immultati €15,000 talli kisru r-regolament tal-att dwar it-trust and trustees. ARQ Fiduciaries Ltd naqset ukoll milli tissotometti d-dikjarazzjoni dwar is-sidien benifiċjarji għat-trust u li kkawżat konsegwenzi b’rabta mat-taxxa, kif ukoll li l-kumpanija aġixxiet bħala trustee.
Filwaqt li żewġ entitajiet oħra; l-AYN Limited u l-Corporate & Commercial FX Services Limited ittiħditilhom il-liċenzja. AYN Limited naqqset milli timxi mal-kundizzjonijiet ta’ qabel il-liċenzjar imposti mill-Awtorità u naqqset milli tagħmel awditjar intern fost oħrajn. Corporate & Commercial FX Services Limited kellha diversi nuqqasijiet fosthom li ripetutament ma ssottometietx dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati.
Il-kumpanija hija obbligata li, f’perjodu indikat mill-MFSA, tirritorna l-fondi miżmuma minnha, lill-klijenti tagħha.