Il-Malta Football Referees Association (MFRA) tikkundanna bla riservi ż-żewġ attakki illi saru fuq żewġ uffiċjali membri tagħha, f’inqas minn jumejn, minn plejers ta’ Marsa FC, f’żewġ logħbiet separati.
Nhar il-Ħadd 27 ta’ Frar, wara tmiem il-partita ta’ Marsa FC, uffiċjal internazzjonali Malti illi kien qiegħed jassisti f’din il-partita spiċċa attakkat minn plejer ta’ Marsa FC. L-istess plejer ta daqqa ta’ sieq bil-forza u bit-tappini fuq l-istonku tal-istess uffiċjal. Konsegwenza ta’ dan, l-uffiċjal spiċċa midrub u kellu jassisti għal testijiet mediċi.
Ġurnata biss qabel, iġifieri nhar is-Sibt 26 ta’ Frar, żewġ plejers mill-iskwadra tal-Under 19 ta’ Marsa FC attakkaw lil uffiċjal ieħor illi kien qiegħed jirrefja din il-partita. Filwaqt illi wieħed mill-plejers ħataf il-pinna li biha kien qiegħed jikteb l-uffiċjal u qasama fi tnejn, il-plejer l-ieħor imbotta lill-istess uffiċjal b’mod aggressiv. Dan kollu seħħ fost ħafna tgħajjir u kliem baxx.
B’dispjaċir l-MFRA tinnota illi sa aktar minn 24 siegħa mit-tieni inċident, il-klabb konċernat għadu ma kkundannax dawn iż-żewġ attakki u wisq inqas ħabbar passi dixxiplinarji illi l-istess klabb huwa mistenni li jieħu fuq dawn il-plejers.
Madanakollu, l-MFRA għanda fiduċja sħiħa illi l-bord tad-dixxiplina tal-Malta FA, ser ikun qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet dixxiplinarji neċessarji fuq dawk kollha konċernati, inkluż fuq il-klabb illi huwa responsabbli mill-plejers tiegħu.
B’dawn id-deċiżjonijiet dixxiplinarji, u b’sospensjonijiet massimi, għandu jintbgħat il-messaġġ illi l-vjolenza ma’ għanda l-ebda post fl-isport temmet tgħid lis-stess stqarrija.