Iċ-Chairperson tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv, l-MFAC, Moira Catania, innotat b’mod pożittiv il-miżuri ta’ appoġġ fiskali li ħa l-gvern ta’ Malta biex tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel quddiem l-isfidi għall-ekonomija globali li ħolqot l-invażjoni Russa tal-Ukrajna – sfidi li wasslu għal żieda fil-pressjonijiet inflazzjonarji madwar id-dinja.
Hija rrimarkat li dawn il-miżuri tal-Gvern ikkontribwixxew għal rata ta’ tkabbir b’saħħitha rreġistrata mill-ekonomija Maltija, li hija ogħla sew mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Dwar l-isfidi għas-snin li ġejjin, Moira Catania qalet li Malta trid tkun ippreparata għal meta r-regoli fiskali jerġgħu jidħlu fis-seħħ, li huwa ppjanat li jseħħ is-sena d-dieħla.
Barra minn hekk, meta ż-żminijiet ekonomiċi jippermettu, Malta trid tibni mill-ġdid l-ispazju fiskali li kien disponibbli qabel il-pandemija. B’hekk, tkun tista’ tiġġieled ix-xokkijiet negattivi fil-futur u ttejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
Fl-aħħar nett, il-kompetittività internazzjonali ta’ Malta għandha tiġi salvagwardjata, u jkomplu jiġu implimentati riformi biex jiġi żgurat li l-ekonomija tkun ippreparata b’mod adegwat biex tiffaċċja l-isfidi fit-tul assoċjati mat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni diġitali.