Saret kollaborazzjoni bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) u l-aġenzija Project Green biex klabbs tal-futbol jiġu mħeġġa jwettqu proġetti ambjentali. Dawn il-proġetti jvarjaw minn tħaddir u tisbiħ taż-żoni madwar il-grawnds, għall-elementi sostenibbli bħall-konservazzjoni tal-ilma fit-tisqija.
Fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, iż-żewġ entitajiet iffirmaw il-ftehim li permezz tiegħu wittew it-triq għall-implimentazzjoni tal-iskema, magħrufa bħala ‘Green Goal’, b’investiment ta’ kważi €530,000 minn Project Green. Il-ftehim jassigura kollaborazzjoni bejn Project Green u l-MFA għall-erba’ snin li ġejjin, biex b’hekk aktar klabbs ikollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn dan il-ftehim.
Il-ftehim jelenka wkoll xogħlijiet ta’ tisbiħ li Project Green se tkun qed tagħmel fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol f’Ta’ Qali u madwar il-Gozo Stadium.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li, “B’kollaborazzjoni ta’ dan it-tip mhux biss qed ngħinu lill-għaqdiet sportivi jsebbħu l-ispazji tagħhom, iżda qegħdin inqarrbu lin-nies aktar lejn l-ambjent f’dawk l-ispazji li għalihom iservu ta’ żvog.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li, “Il-klabbs sportivi madwar il-pajjiż għandhom irwol kemm sportiv kif ukoll irwol soċjali. Dan minħabba li għandek eluf ta’ tfal u żgħażagħ kif ukoll diversi individwi oħrajn mis-soċjetà Maltija u Għawdxija li b’xi mod jew ieħor imissu ma’ dawn l-għaqdiet sportivi. Għaqdiet sportivi li għandhom irwol importanti f’dak li huwa l-iżvilupp sħiħ tal-tfal tagħna u allura permezz ta’ dan il-ftehim qegħdin naraw lill-Project Green tagħti l-kontribut tagħha sabiex flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol u l-affiljati tagħha tgħin f’dak li huwa żvilupp sħiħ tat-tfal tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri saħaq li Project Green għaddejja b’ħidma ta’ outreach u kif dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-pubbliku hekk kif qed isir aktar xogħol ta’ riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa eqreb il-familji Maltin u Għawdxin.
Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li, “Dawn huma inizjattivi interessanti ħafna fejn l-Assoċjazzjoni flimkien ma’ Project Green se jkunu qiegħdin jaħdmu flimkien biex isebbħu mhux biss żoni fil-kumpless sportiv ta’ Ta’ Qali, iżda wkoll grazzi għall-fondi u skemi varji, se jkunu qiegħdin ukoll jibbenefikaw il-klabbs membri tagħna madwar il-pajjiż kollu. Huwa ta’ pjaċir għall-Assoċjazzjoni li nkunu parti minn proġetti li joffru sostenibbiltà u kwalità ta’ ħajja aħjar u l-ftehim ma’ Project Green jirrifletti l-involviment pożittiv li għandha l-MFA fil-komunità tagħna.”
L-iskema se tkun qed titħaddem mill-MFA. Klabbs tal-futbol li huma interessati li japplikaw għall-iskema Green Goal huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Assoċjazzjoni fuq greengoal@mfa.com.mt.