Il-Malta Football Association u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol ippubblikaw stqarrija li fiha rreferew għall-inċident li seħħ ilbieraħ f’partita tal-Under 14 Development League organizzata mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol f’Kordin.
Fi kliemhom: “L-Assoċjazzjoni u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol jiddeploraw din it-tip ta’ mġiba bil-qawwa kollha. Hija ħasra li t-tajjeb kollu li jsir fid-dinja tal-futbol, partikolarment l-isforzi ta’ tant nies voluntiera fost iż-żgħażagħ, jiġi mtappan b’episodji bħal dawn li ma jagħmlux ġiegħ lil min jagħmilhom.”
L-istqarrija żżid tgħid li ladarba jiġu stabbiliti l-fatti, l-Assoċjazzjoni se tieħu dawk il-passi dixxiplinari hija kompetenti li tieħu fuq livell sportiv.
Il-Malta FA appellat lil dawk kollha involuti fil-logħba, speċjalment ġenituri, biex jaġixxu dejjem b’responsabbiltà u jkunu ta’ eżempju biex ma jkunux huma stess li jxekklu l-awtorità tal-kowċis jew l-uffiċjali tal-logħba u kif ukoll it-tgawdija tat-tfal.
“Il-futbol għandu jkun attività fejn it-tfal jieħdu gost f’ambjent sabiħ u sportiv, fejn il-vjolenza u t-tgħajjir m’għandux ikollhom post. Id-disprazzjoni li tirbaħ jew il-biżgħa li titlef iqajmu tensjoni u telf ta’ kontroll għaliex numru ta’ ġenituri moħħhom biss fir-riżultat tal-mument u mhux fl-iżvilupp fit-tul ta’ wliedhom,” temmet tgħid il-Malta FA.
Il-ġlieda allegatament seħħet wara li tkeċċew żewġ players waqt il-partita.