Fit-training grounds tal-MFA, s-Sibt figħodu tqassmu l-pagamenti ta’ solidarjetà tal-UEFA lin-nurseries; f’attivita li fiha xejn anqas minn 320 tifel u tifla ħatfu l-opportunità sabiex jilagħbu fuq turf naturali f’Ta’ Qali.
L-enfasi kollha kienet fuq il-grassroots hekk kif il-Malta Football Association, il-Fondazzjoni Inhobb il-Futbol (IFF), u l-Youth Football Association ingħaqdu biex jorganizzaw il-festival annwali ta’ taħt is-7 snin.
B’kollox 33 nurseries ħadu sehem fl-avveniment ta’ din is-sena li kienet turija tal-ħidma mill-aqwa tal-stess nurseries u fuq kollox lir-rwol fundamentali tagħhom fl-ekosistema tal-futbol.
Bħal fl-aħħar snin, il-pagamenti annwali ta’ solidarjetà tal-UEFA tqassmu lin-nurseries lokali taż-żgħażagħ waqt din l-attività.
Għal din l-attivita, Bjorn Vassallo, il-President tal-Malta FA, ingħaqad ma’ Fr Hilary Tagliaferro, President Onorarju u Fundatur tal-Youth FA.
“Dawn l-avvenimenti jenfasizzaw l-importanza li ninvestu fil-mogħdija taż-żgħażagħ li hija essenzjali għat-tfal tagħna biex jiżviluppaw b’mod għaqli fil-karattru b’mod parallel mal-edukazzjoni u t-tkabbir tagħhom fil-futbol,” qal is-Sur Vassallo.
“Il-Malta FA, flimkien mal-Fondazzjoni Inhobb il-Futbol u l-Youth FA, jibqgħu impenjati bis-sħiħ li jinvestu fl-infrastruttura u l-programmi ta’ żvilupp tat-talent biex jissaħħaħ is-settur tal-grassroots.”
Filwaqt li rringrazzja lill-President tal-Malta FA għall-impenn tiegħu u tal-Assoċjazzjoni li jsostni l-investimenti fil-grasroots, Fr Hilary qal: “Din l-okkażjoni annwali tfakkarni fl-isbaħ jiem ta’ ħajti bħala tifel żgħir li kont inħobb nilgħab il-futbol.
“Il-futbol tani kollox u nixtieq li dawn it-tfal kollha jesperjenzaw dan il-ferħ permezz tal-passjoni tagħhom għal-logħba. L-appell tiegħi lill-ġenituri huwa biex joqogħdu lura milli jagħmlu pressjoni fuq uliedhom, il-futbol huwa dwar divertiment allura ħallihom jieħdu gost.”