Numru ta’ edituri, ġurnalisti u preżentaturi ta’ programmi sportivi kmieni waranofsinhar kienu mistienda sabiex jassistu għal preżentazzjoni mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo dwar dak li qed isir u x-xenarji differenti li jistgħu jolqtu l-futbol Malti wara s-sospenzjoni tal-Kampjonati Maltin minħabba l-Coronavirus.
F’sessjoni virtwali Bjorn Vassallo spjega li anke l-MFA, bħal kull entità kummerċjali oħra, ser tkun qed tintlaqat finanzjarjament bis-sospenzjoni tal-Kampjonati. L-istess jista’ jingħad għal klabbs speċjalment dawn li qada finanzjarja tagħhom mhix waħda b’saħħitha. Vassallo kkonferma li hemm numru ta’ plejers barranin li fl-aħħar jiem waslu f’ftehim mal-klubs sabiex jinħallu mill-kuntratt li kellhom u r-ritornaw f’pajjiżhom.
Bjorn Vassallo spjega li hemm diversi xenarji ta’ meta jistgħu jitkomplew l-Kampjonati u f’dan l-istadju huwa prematur sabiex wieħed jistabbilixxi ġurnata ta’ meta u kif ser jkomplu l-Kampjonati Maltin. Teżisti possibilità li l-Kampjonati tagħna jkomplu f’Ġunju jew matul ix-xhur tas-sajf u għalhekk il-waqfa bejn il-Kampjonati 2019 / 2020 u l-Kampjonati 2020 / 2021 tkun ħafna iqsar mis-soltu.
L-għan ewlieni tal-MFA, kif wara kollox hija ta’ ħafna assoċjazzjonijiet Ewropej oħra, hi li l-Kampjonati jitkomplew b’mod normali sabiex eventwalment jkollna rebbieħa u anke timijiet relegati.
Nhar il-Erbgħa s-Segretarju tal-MFA Angelo Chetcuti ser ikun qed jattendi għal laqgħa virtwali oħra flimkien mal-assoċjazzjonijiet membri tal-UEFA sabiex jiġu diskussa mudelli u xenarji differenti fiċ-ċirkostanzi.