Il-Malta Football Association qalet li se tkun qed tissospendi l-plejers li se jitressqu l-Qorti b’rabta mal-logħba bejn Malta u Montenegro ta’ taħt il-21 sena meta tkun infurmata uffiċjalment li dawn se jitressqu l-qorti.
Fi stqarrija ntqal li “l-MFA tinnota li s’issa, l-Assoċjazzjoni ma rċiviet l-ebda konferma mingħand il-Pulizija ta’ Malta dwar jekk il-persuni li se jitressqu humiex il-persuni msemmija fil-mezzi tax-xandir lokali.”
“Għaldaqstant, sal-lum, l-MFA ma tista’ tieħu l-ebda azzjoni dixxiplinarj kontra dawn it-tesserati tagħha. Madankollu, l-MFA tavża li waqt laqgħa li saret illum, il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA ta l-awtorizzazzjoni lill-President tal-MFA, biex jekk kemm-il darba u meta tingħata informazzjoni jew dokumentazzjoni uffiċjali li tesserati tagħha se jitressqu l-Qorti fuq dan il-każ, l-MFA tissospendi temporanjament lil dawn it-tesserati minn kull attivita’ ta’ futbol minnufih.” Il-Malta Football Association reġgħet saħqet li bi ftehim mal-UEFA u mal-awtoritajiet lokali, il-proċess tal-Ġustizzja Sportiva jinfetaħ mal-konklużjoni tal-proċess ġudizzjarju.