Wara li aktar kmieni llum l-Malta Football Referees Association ħabbret li ser isir strike fit-tmiem il-ġimgħa wara li s’issa għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar is-salarji mitluba mir-referees, il-Malta Football Association sostniet li uffiċjalment għadha ma ġietx infurmata dwar din l-azzjoni ordnata mill-MFRA iżda saret taf dwar dan permezz tal-istqarrija maħruġa aktar qabel mill-istess Assoċjazzjoni.
L-MFA, fl-stqarrija tagħha, qalet li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-MFRA, speċjalment fid-dawl tal-fatt li għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma’ grupp ta’ uffiċjali tal-logħba bil-għan li jiġu riveduti l-ħlasijiet u materji oħra marbuta ma’ titjib fil-kundizzjonijiet tal-uffiċjali tal-logħba f’kull livell.
Dawn id-diskussjonijiet kienu ferm pożittivi sal-punt li l-partijiet konċernati qablu fil-prinċipju fuq numru ta’ punti wara l-aħħar minn sensiela ta’ laqgħat kordjali bejn iż-żewġ naħat nhar it-Tlieta filgħaxija.
Laqgħa oħra ma’ dawn l-istess uffiċjali hija skedata għall-Ħamis.
F’ċirkostanzi tali, l-istrutturi u l-proċeduri tal-MFA għandhom jiġu rispettati kompliet tghid lis-stess stqarrija. Dan il-ftehim irid jgħaddi mill-iskrutinju kif ukoll l-approvazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni bis-seduta li jmiss skedata għall-Ħamis 11 ta’ April, 2019.
Il-Malta Football Association tagħmilha ċara li qed tieħu dan il-każ b’serjetà kbira. Filwaqt li tfakkar lill-partijiet kollha dwar l-obbligazzjonijiet sportivi u legali tagħhom, l-Assoċjazzjoni tirriserva kull dritt ta’ azzjoni biex tissalvagwardja mhux biss l-interessi tal-istess entità u l-klabbs membri tagħha, iżda wkoll l-integrità tal-logħba nnifisha temmet tgħid lis-stqarrija.