Il-Malta Football Association qalet li ġiet infurmata b’mod uffiċjali mill-Pulizija, li se tibda proċeduri kriminali fil-konfront ta’ Emmanuel Briffa, Kyle Cesare u Ronnie Mackay b’rabta mal-partiti tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena kontra l-Montenegro u r-Repubblika Ċeka.
L-MFA qalet li peress li Emmanuel Briffa u Kyle Cesare huma plejers tesserati tal-Malta Football Association u fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta FA, dawn il-plejers qegħdin jiġu sospiżi temporanjament minn kull attività tal-futbol b’effett immedjat.
“Il-Malta FA, bħala l-parti danneġġjata f’dan il-każ, se tikkostitwixxi ruħha bħala ‘parte civile’ fl-istess proċeduri,” kompla jingħad.
L-Assoċjazzjoni avżat wkoll li hi se tibda l-proċess ta’ dixxiplina sportiva hekk kif ikun konkluż il-każ u dan biex ma tkunx ta’ interferenza għax-xogħol siewi li qed tagħmel il-Pulizija ta’ Malta f’dan ir-rigward.