Fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju dehret id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista: min irid jagħti s-saħħa lill-Maltin u min irid kontinwament jaħdem ‘għalik’ kontra Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, li kienet indirizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew u kandidat Laburista Alex Agius Saliba u l-kandidata Laburista fl-istess elezzjoni Claudette Abela Baldacchino.
Agius Saliba qal li d-differenza dehret ċara fid-diskorsi, b’David Casa jikkonferma li l-MEPs Nazzjonalisti se jkomplu jaħdmu kontra Malta.
“Fil-Parlament Ewropew se nagħmel ħilti kollha, gwerra qaddisa biex nara li dawn in-nies posthom ma jkunx f’Kastilja. Jiena se nagħmel gwerra kontra tagħhom, bl-għodda kollha, li qatt m’użajt s’issa.”
Agius Saliba sostna li fl-aħħar ħames snin saru erbatax-il riżoluzzjoni kontra pajjiżna.
Fakkar kif Roberta Metsola meta ġiet iffaċċjata bi kritika, imblokkat, iċċensurat u nfexxet f’attakki kontinwi, sew dwar ir-riżoluzzjoni fuq is-saltna tad-dritt u drittijiet fundamentali fil-Bulgarija u anke l-Greċja.
Dan filwaqt li tkellem dwar il-pożizzjoni tagħha dwar il-Lvant Nofsani.
“Però, aħna nemmnu u mhux ngħiduha biss bil-kliem, imma bil-fatti li kontra pajjiżna, aħna ma naħdmu qatt u qatt, kontra Maltin bħalna, aħna ma naħdmu qatt u qatt fuq livell Ewropew. Ħaddieħor biex jidher sabiħ, biex mingħalih jiskorja punti politiċi, dan jagħmlu ta’ kuljum u mhux talli jagħmlu, talli qed iwegħdna wkoll f’din il-kampanja elettorali li se jkompli jagħmlu.”
Min-naħa tagħha, il-kandidata Abela Baldacchino sostniet li fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, il-poplu Malti jrid jiddeċiedi favur membri Laburisti li jfittxu l-interessi ta’ pajjiżna u kontra dawk tal-Partit Nazzjonalista li jaħdmu kontra Malta.
Hi fakkret meta s-sena l-oħra David Casa kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda proċess li jissospendi l-fondi lil Malta jew jitwaqqaf id-dritt tal-vot fil-Kunsill Ewropew.
Sostniet kif l-establishment Nazzjonalista hekk jaħdem u jipprova jweġġa’ lill-pajjiż bit-tama li jirbaħ u jmexxi hu l-pajjiż.
“Se nibqgħu nfittxu l-interessi ta’ Malta. Aħna l-gwerer ma nagħmluhomx kontra Malta fi Brussell, fi Brussell immorru naqbżu għall-interessi tal-familji Maltin u Għawdxin, biex niddefendu l-interessi ta’ Malta. Kwalità komuni fil-kandidati Laburisti hi li f’kull mument, f’dak li jagħmlu jġibu l-interess ta’ Malta.”