“Għalkemm aħna tliet Membri Parlamentari biss u mhux erbgħa, tlifna wieħed mis-siġġijiet li kellna, però xorta rnexxielna nżommu r-rappreżentanza tagħna fil-kumitati kollha, li konna rrappreżentati fuqhom fl-aħħar leġiżlatura u żedna wkoll pereżempju l-Kumitat tas-Sajd, li għall-ewwel qiegħed anki jpoġġi fuqu, Thomas.”
Dan intqal mid-Deputat Mexxej Laburista u Ewroparlamentari Laburista, Alex Agius Saliba, f’kummenti ma’ ONE News mill-Parlament Ewropew fi Brussell.
Huwa spjega li ġie afdat bil-ħidma fuq il-liġi li jitwessgħu d-drittijiet tal-konsumaturi, fost oħrajn meta jivvjaġġaw.
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Daniel Attard sostna li l-ħidma tiegħu ta’ kuljum f’din l-istituzzjoni Ewropea hi bbażata fuq il-prinċipji favur iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
“Jien qiegħed f’diversi kumitati u delegazzjonijiet, però l-prinċipji tiegħi ma jinbidlux, jiġifieri l-ħidma fil-kumitati hi differenti, però l-prinċipji kontra l-one-size fits all, favur l-interessi ta’ Malta u Għawdex u favur iċ-ċittadini tagħna, dawk mhumiex negozjabbli u allura napplikahom, kull fejn inkun.”
L-Ewroparlamentari Thomas Bajada tkellem dwar il-ħidma tiegħu bħalissa, fost l-oħrajn fil-proċess tas-smigħ tal-Kummissarju Ewropej nominati.
“Bħalissa qegħdin f’sitwazzjoni, f’perjodu importanti ħafna, li se naraw x’Kummissjoni Ewropea se jkollna fil-futur u naħseb il-preparamenti li kellna fil-ġimgħat li għaddew kienu importanti ħafna sabiex nippreparaw ukoll, x’nixtiequ politikament kemm fil-Grupp S&D, imma wkoll il-gruppi differenti x’jixtiequ mill-Ewropa.”