Nhar il-Ħamis, 12 ta’ Lulju, il-kumitat IMCO vvota b’maġġoranza assoluta għar-rapport tal-MPE Marlene Mizzi, b’riżultat ta’ 33 vot favur, 3 kontra u astensjoni waħda fuq il-ftehim milħuq mill-MPE Marlene Mizzi, il-Kunsill u l-Kummissjoni fuq ir-rapport tagħha biex l-Ewropa jkollha Portal Uniku Diġitali għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-intrapriżi. Ir-rapport tal-MPE Mizzi se jitressaq għall-vot finali fil-Plenarja ta’ Settembru.
“Kburija li rnexxielna nagħlqu dawn id-diskussjonijiet bejn it-tliet istituzzjonijiet b’suċċess, sabiex inkunu nistgħu nħejju din il-leġiżlazzjoni tant importanti. Wara bosta negozjati fuq dan ir-rapport, ir-riżultat huwa wieħed ta’ sodisfazzjon la darba ġie approvat mill-Istati Membri u mill-gruppi politiċi kollha fil-kumitat IMCO. Din il-leġiżlazzjoni hija pass importanti ‘l quddiem biex ikollna diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi,” qalet Marlene Mizzi.
L-Istati Membri se jkunu mitlubin jipprovdu aċċess online għall-aktar proċeduri importanti u użati, bħal talbiet għaċ-ċertifikat tat-twelid, għar-reġistrazzjoni tal-karozzi, permessi jew attivitajiet ta’ negozju, jew għall-benefiċċji tal-pensjoni. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli b’tali mod u b’lingwa li tinftiehem mill-akbar numru possibbli ta’ utenti transfruntieri.
Kull informazzjoni amministrattiva li teżisti tal-Istati Membri kollha se tkun aċċessibbli online permezz ta’ search engine waħda. Dan il-pass se jkun qed jgħin liċ-ċittadini u lill-intrapriżi biex isibu informazzjoni, proċeduri, formuli u assistenza għall-persuni li jmorru jgħixu, jistudjaw jew jinnegozjaw f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Se tipprovdi wkoll aċċess għal-proċeduri amministrattivi ewlenin, fosthom rikjesti għaċ-ċertifikati tat-twelid, ir-reġistrazzjoni tal-karozzi, il-Karta l-Blu magħrufa bħala l-European HealthCard, u applikazzjonijiet finanzjarji oħrajn.
“Il-Portal Uniku Diġitali se jelimina t-telf ta’ ħin biex taċċessa bosta siti differenti online biex tfittex informazzjoni transkonfinali, timla formuli li ma jispiċċaw qatt, u li tistenna fi kjuwijiet twal, kif ukoll se tonqos il-frustrazzjoni li tistenna sigħat twal online, mingħajr ma tikseb l-informazzjoni li tkun qed tfittex. Din il-leġislazzjoni se tħalli impatt pożittiv fuq iċ-ċittadin Ewropew u dan jagħtini l-ikbar sodisfazzjoni f’xogħli, kemm bħala leġiżlatur kif ukoll bħala Membru tal-Parlament Ewropew.” qalet il-MPE Mizzi.