Fil-gazzetta KullĦadd ġie rrapurtat li fis-sessjoni plenarja ta’ din il-ġimgħa, il-Parlament Ewropew tkellem ċar dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha tieħu bis-serjetà l-użu tal-kannabis
mediċinali. Pajjiżna mhux biss illeġiżla favur dan l-użu iżda ħoloq ukoll liġijiet li qed jiġbdu lejn Malta dawk li huma fost l-ikbar kumpaniji fid-dinja fis-settur.
Bil-Parlament Ewropew irid li l-Unjoni Ewropea timxi fuq l-istess passi u tistimula l-innovazzjoni fejn għandha x’taqsam il-kannabis mediċinali.
Il-Parlament Ewropew tkellem f ’riżoluzzjoni li kienet approvata nhar l-Erbgħa u li ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-qafas regolatorju u l-isfidi finanzjarji u kulturali li qed ikunu ta’ piż fuq ir-riċerka xjentifika. Stednithom ukoll biex jiffinanzjaw ir-riċerka.
Fuq kollox l-MEPs qalu li l-Istati Membri għandhom iħallu lit-tobba jużaw il-ġudizzju professjonali tagħhom biex jagħtu din it-tip ta’ mediċina. U iktar minn hekk, tgħid ir-riżoluzzjoni, meta dawn il-mediċini huma effettivi għandhom ikunu koperti wkoll mill-assigurazzjoni medika bħalma huma mediċini oħra.
Fuq kollox, qalu l-MEPs, dawn it-tip ta’ regoli għandhom iwasslu biex jillimitaw is-suq iswed, jassiguraw il-kwalità u jillimitaw l-aċċess għall-minuri. Il-ġimgħa li għaddiet irrapportajna li l-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli talbet qafas leġiżlattiv Ewropew fuq is-suġġett, filwaqt li f ’rivisti awtorevoli fuq is-suġġett Malta kienet imfaħħra għal dak li għamlet.