Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant aġġorna l-MEPs kollha tal-Parlament Ewropew bil-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-akkużi li tqajmu s-sena l-oħra fil-konfront ta’ mart il-Prim Ministru Joseph Muscat li allegaw li kienet propjetarja tal-Egrant, kont marbut mal-Karti tal-Panama.
L-inkjesta wriet b’mod konvinċenti li l-allegazzjonijiet ma kinux fondati u kompletament foloz, qal Dr Sant. Oriġinarjament dawn l-allegazzjonijiet saru ħmistax-il xahar ilu mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, l-allegazzjonijiet ġew ripetuti b’mod konsistenti fil-Parlament Ewropew minn għadd ta’ MEPs daqslikieku vanġelu u verita` minkejja l-fatt li l-Prim Ministru Malti u martu ċaħdu bla heda l-allegazzjonijiet. Issa ma hemm l-ebda dubju, saħaq Dr Sant, li mart il-Prim Ministru qatt ma kellha kumpanija sigrieta l-Panama, jew kellha l-Egrant jew xi kont ieħor sigriet.
L-inkjesta maġisterjali tnediet biex speċifikament ikun investigat dan il-każ, enfasizza Alfred Sant, u ma sabet l-ebda evidenza, imqar mill-bogħod, li tgħaqqad lill-Prim Ministru ta’ Malta jew lil martu jew xi membru tal-familja tagħhom mal-kumpanija tal-Panama Egrant Inc.