Il-Parlament Ewropew illum ivvota biex ikun hawn telefonati orħos bejn stat membru u ieħor fl-Unjoni Ewropea.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi, kelliema għall-Grupp S&D u shadow rapporteur fuq ir-rapport leġiżlattiv dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi saħqet: “Mill-15 ta’ Mejju, 2019, iċ-ċittadini Ewropej mhux se jibqgħu jinkwetaw dwar prezzijiet għoljin meta jċemplu lill-familji u lill-ħbieb tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE. L-ispejjeż ta’ telefonati fl-UE se jiġu limitati, biex ma jibqgħux jeżistu kontijiet eċċessivi u esaġerati għal telefonati internazzjonali, meta jsiru lejn stati membri oħrajn tal-UE.”
“Ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjoni li vvutajna għalihom illum huma qabża kbira ‘l quddiem għall-konsumaturi. Jiena kburija li, wara r-regolament dwar ir-roaming, għal darb’oħra ġejt fdata li nkun parti mit-tim tan-negozjati li ħadem bla waqfien fuq din il-leġiżlazzjoni li tinfluwenza lill-konsumaturi u l-poplu Ewropew,” qalet Marlene Mizzi.
“Il-mument li aħna nnegozjana it-tmiem tat-tariffi tar-roaming, kont għamilt wegħda li l-pass li jmiss kien li bħala MPE nipprova nwassal għal rati aktar baxxi u unifikati għal telefonati minn pajjiż tal-UE għal ieħor. Dan huwa dak li għamilna llum billi tajna benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini tagħna, u li huwa proprju dak li wegħedna u aktar,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.
Il-miżuri l-ġodda jinkludu wkoll numru ta’ dispożizzjonijiet importanti li sostanzjalment jtejbu d-drittijiet tal-konsumaturi u d-drittijiet għal persuni b’diżabilità. Il-liġi se tiżgura li l-internet bażiku u affordabbli huwa dritt universali li għandu jkun iggarantit liċ-ċittadini kollha tal-UE.
“Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, imbuttajt għal sistema speċjali ta’ twissija ta’ emerġenza – magħrufa bħala l-inverżjoni 112 – numru li l-Istati Membri se jużaw biex jipprovdu informazzjoni diretta u twissijiet lil persuni li jsibu ruħhom qrib żona ta’ periklu, bħal attakk terroristiku jew katastrofi naturali. Din toffri aktar protezzjoni liċ-ċittadini tagħna biex niżguraw is-sigurtà tagħhom f’sitwazzjonijiet perikolużi.
“Fi żmien fejn iċ-ċittadini Ewropej huma dejjem aktar dubjużi dwar il-merti tal-proġett Ewropew innifsu, il-vot tal-lum għandu jħalli impatt qawwi fit-titjib tal-ħajja taċ-ċittadini u b’hekk infakkruhom fl-elementi pożittivi u l-benefiċċji li huma frott il-proġett Ewropew,” qalet il-deputata Mizzi.