L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, għamlet stħarriġ dwar is-suq tax-xogħol lokali.
Jirriżulta, fost oħrajn, li l-pressjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħaddiema disponibbli u titjib fl-inċentivi u l-pagi offruti min-negozji biex jattiraw impjegati ġodda, fl-istess waqt li numru minnhom qed jantiċipaw tkabbir fl-attività tagħhom, qed iwassal għal sfidi ġodda.
Skont l-istħarriġ tal-Assoċjazzjoni, dan jista’ faċilment iwassal għal effetti fuq il-kompetittività nazzjonali, waqt li n-negozji jipprovaw jinnewtralizzaw iż-żidiet fl-ispejjeż billi jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti jew servizzi tagħhom.
L-istudju jirrifletti wkoll it-tibdil u d-demografija ta’ pajjiżna fejn 20% tal-kumpaniji wkoll qed jimpjegaw ħaddiema nomadi li jaħdmu minn barra minn xtutna, waqt li 24% min-negozji qed jimpjegaw ħaddiema barranin.
Jirriżulta li 94% tal-kumpaniji lokali, li ħadu sehem fl-istħarriġ, qalu li ma jimpjegawx ħaddiema bil-Paga Minima.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li ppreżentat ir-riżultati mill-istħarriġ, ingħad li l-pajjiż jeħtieġ viżjoni nazzjonali ħolistika biex l-ekonomija tkompli miexja ’l quddiem.
Staqsjna lid-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joe Farrugia, dwar il-punti li joħorġu minn dan l-istħarriġ.
“Wieħed minnhom u naħseb l-aktar wieħed importanti hu li mhux qed ngħidu li, għax qed jogħlew il-pagi, hemm xi theddida ta’ xi ħadd f’pajjiżna, id-domanda għax-xogħol għadha hemm. Fil-fatt il-parti kbira tal-kumpaniji qalu li jew se jżommu l-labour force li għandhom jew saħansitra anke jżidu n-nies u din terġa’ tenfasizza l-punt li hemm bżonn li nużaw ir-riżorsi lokali aħjar.”
Farrugia tenna li, biex tiżdied il-provvista tal-ħaddiema, persuni li jkunu laħqu l-età tal-irtirar għandhom jiġu inċentivati biex ikomplu fid-dinja tax-xogħol.
“Mod kif wieħed jista’ jżid il-labour supply hu li tinċentiva u mhux timponi aktar nies li huma rtirati li jerġgħu jaħdmu, mhux bilfors 40 siegħa fil-ġimgħa, imma jkun hemm il-flessibilità li jagħżlu huma bi ftehim mal-employer, l-aħjar mod kif jistgħu jikkontribwixxu. B’hekk ikollhom dħul li jissupplimenta aktar il-pensjoni u fl-istess ħin ikollok aktar nies Maltin li qegħdin jaħdmu.”