Inċentivi li jservu t’għajnuna bħal dawk li tħabbru mill-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza stampa t-Tnejn filgħodu huma importanti.
Dan stqarritu Joanne Bondin, il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA wara laqgħa mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Hi qalet li wara l-assessjar intern li sar tal-proposti mħabbra mill-Partit Laburista, dawn l-inċentivi huma t’għajnuna biex in-negozji jibqgħu jinvestu fihom infushom u dan speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-isfidi globali attwali.
Qalet, “Peress li jkun hemm iktar cycle ta’ flus fil-kumpaniji stess, ovvjament dawn il-flus li jistgħu jżommu l-kumpaniji jkunu jistgħu jinvestuhom f’affarijiet oħrajn bħal makkinarju u wkoll jimpjegaw aktar nies iġifieri hemm benefiċċju wkoll illi ħa jimpatta lil min iħaddem.”
Intant, waqt il-laqgħa mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-President tal-Partit Ramona Attard spjegat kif dawn il-proposti bdew minn vjaġġ ta’ mitt idea, liema vjaġġ l-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem kienet parti minnu.
Dr Attard saħqet li wieħed mill-kolonni li fuqhom hu mibni l-manifest elettorali tal-Partit Laburista huwa l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol fejn jibqalek ukoll aktar flus fil-but.
Rappreżentanti minn din l-assoċjazzjoni preżentaw dokument ta’ proposti lill-amministrazzjoni Laburista li fih ġew trattati diversi temi fosthom l-edukazzjoni u l-kunċett ta’ ekonomija sostenibbli.
Fil-laqgħa kien hemm preżenti l-Ministri Clyde Caruana u Silvio Schembri u l-kandidati Laburista Cressida Galea u Mark Grech.