L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA, qalet li l-kawża li fetħu Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia fl-aħħar jiem fil-konfront ta’ tliet membri tat-Tribunal Industrijali personalment, hi kontra kull etika.
Dan hekk kif iż-żewġ protagonisti tal-establishment Nazzjonalista fetħu proċeduri lit-tliet membri li jpoġġu fuq it-Tribunal Industrijali talli dawn ma ddeċidewx kif riedu ż-żewġ avukati.
Il-kawża hi dwar deċiżjoni tat-Tribunal li stabbilixxa li l-grad tal-Learning Support Educator mhuwiex distint minn dak tal-għalliema, għax ilkoll huma edukaturi, u għalhekk ġiet miċħuda t-talba tal-Union for Professional Educators, il-UPE.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet li dan l-attakk hu bla preċedent u jimmina l-ħidma ta’ dawn il-membri tat-Tribunal.
Intqal li dan hu attakk ieħor biex jiddistabbilizza l-istrutturi tar-relazzjonijiet industrijali f’pajjiżna minħabba l-aġenda personali, li żġur mhijiex dik favur il-pajjiż.
It-tliet membri fit-Tribunal Industrijali li spiċċaw b’kawża fuq rashom personali talbu għall-protezzjoni u l-assistenza wara li kitbu lill-President, lill-Prim Ministru u lis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali.
Fil-fatt, il-Gvern permezz tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħabbar li se joffri tali appoġġ u protezzjoni.