Minn nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru, se jiġu aġġustati l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib frisk, minħabba żieda fl-ispejjeż fl-operat u tal-produzzjoni għall-kumpanija Malta Dairy Products.
Il-kumpanija ħabbret dan, permezz ta’ stqarrija, fejn enfasizzat kif għamlet l-almu kollu tagħha biex iżżomm il-prezzijiet stabbli, minkejja spejjeż li żdiedu fil-provvista, fil-materja prima u anke s-servizzi.
Għaldaqstant il-kumpanija ħabbret li l-prezz se jiżdied bi 15-il ċenteżmu għall-kartuna l-kbira u bi 8 ċenteżmi għall-kartuna ż-żgħira. Il-kartuna ż-żgħira ta’ mingħajr lattożju se tiżdied b’7 ċenteżmi.
Intqal li, avolja ttieħdu diversi miżuri, fosthom is-simplifikazzjoni tal-operat u t-titjib tal-proċessi tal-produzzjoni, il-kumpanija xorta waħda ma setgħetx tlaħħaq ma’ din iż-żieda b’mod sostenibbli, anke biex tiżgura futur tajjeb għar-raħħala u l-ħaddiema lokali, filwaqt li tibqa’ żżomm l-istess standards għoljin.