Il-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) laqa’ aktar minn 30 rappreżentant minn 17-il bank promozzjonali minn madwar l-Unjoni Ewropea (UE) u r-Renju Unit għal-laqgħa tan-Network tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej għall-SMEs (NEFI) f’Malta.
Il-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tan-NEFI, li qed jiltaqa’ f’Malta għall-ewwel darba, għandu l-għan li jipprovdi għarfien u gwida lill-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha dwar id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ skemi promozzjonali u ta’ finanzjament mifruxa madwar l-Unjoni, b’enfasi qawwi fuq l-appoġġ għall-SMEs. Il-laqgħa f’Malta kellha l-għan li tindirizza l-isfidi attwali u li jinstabu soluzzjonijiet biex l-aċċess għall-finanzi tan-negozji ż-żgħar għall-finanzi jissaħħaħ.
Fid-diskors introduttorju tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MDB Paul V. Azzopardi rrimarka l-valur kollaborattiv ta’ dan in-Network, u fakkar kif il-Grupp ta’ Ħidma Permanenti qed iservi ta’ pjattoforma indispensabbli mhux biss biex jiddiskuti żviluppi finanzjarji u politiċi ewlenin iżda wkoll biex isaħħaħ sħubiji effettivi f’dan is-settur.
“F’dinja fejn l-isfidi qed jinbidlu kontinwament, kemm jekk inċertezza ekonomika, ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà jew it-trasformazzjoni digitali, il-kollaborazzjoni ta’ bejnietna qatt ma kienet daqstant importanti. B’din il-ħidma kollettiva, permezz tal-bdil ta’ għarfien u esperjenzi, u billi nitgħallmu minn xulxin, insaħħu l-ħila tagħna li nwieġbu b’mod proattiv u effettiv għall-bżonnijiet emerġenti tal-SMEs”, sostna s-Sur Azzopardi.