Il-Bank Malti għall-Iżvilupp, l-MDB, nieda żewġ skemi ġodda ta’ finanzjament li se jkunu qed jiffaċilitaw investiment sa €180 miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt il-ftuħ uffiċjali tal-binja l-ġdida tal-Bank Malti għall-Iżvilupp fil-Furjana l-Erbgħa filgħaxija, fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju mit-twaqqif tal-istess Bank.
Dawn l-iskemi se jagħtu rati vantaġġjużi ta’ self immirati għan-negozji Maltin, spinta għar-riġenerazzjoni ekonomika quddiem sfidi bla preċedent.
L-iskemi se jitħaddmu minn banek kummerċjali bl-appoġġ tal-Fond ta’ Garanzija Pan-Ewropew tal-Fond ta’ Investiment Ewropew.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela fakkar fil-ħidma sinifikanti li kellu l-bank waqt il-perjodu tal-pandemija u ta kuntest tas-sitwazzjoni kurrenti u l-irwol tal-bank fiż-żmien li ġej.
“Li kieku ma kellnix din l-istituzzjoni, ma konniex inkunu f’pożizzjoni li jkollna skemi ta’ garanziji għal self li daħħlu f’kull pajjiż Ewropej. Illum għandna kważi nofs biljun ewro f’self lil eluf ta’ kumpaniji mifruxa fuq tista tgħid is-setturi kollha, imma speċjalment dawk l-aktar li kienu milquta – jiġifieri lukandi u ristoranti. Li kieku ma kienx hemm il-Bank Malti għall-Iżvilupp kien ikun verament diffiċli biex nintroduċu dawn il-garanziji u eluf ta’ kumpaniji kienu jispiċċaw b’diffikultajiet kbar biex isibu finanzjament.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li l-Bank ma jħarisx biss lejn il-kisbiet kbar li għamel fil-passat iżda li jħares lejn il-futur u jaħdem biex flimkien noħloqu l-ekonomija ta’ għada.
“Għalhekk nilqa’ ż-żewġ skemi li bejniethom jiffaċilitaw investiment ta’ mija u tmenin miljun f’oqsma tal-futur. Dawn għandhom jipprovdu bażi soda għall-bidliet li hemm bżonn isiru fl-ekonomija tagħna u flimkien mal-pjan għall-irkupru u resiljenza se jixprunaw il-bidliet li huma kruċjali biex pajjiżna jibqa jkun suċċess,” qal il-Prim Ministru.
il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan il-kuntest, Dr Abela spjega kif l-iskemi se jkunu qed jiffaċilitaw lin-negozji Maltin u Għawdxin.
“Dawn l-iskemi se jgħinu fost l-oħrajn biex in-negozji jagħmlu l-qalba lejn vetturi elettriċi u biex ikollna aktar start-ups innovativi. Imma anke ‘l hinn minn finanzjament u garanziji, hemm rwol ukoll biex il-Bank għall-Iżvilupp jagħti pariri biex noħolqu strumenti finanzjarji innovativi ħalli ngħinu SMEs u start-ups.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Bank, il-Prof. Josef Bonnici, spjega kif l-MDB introduċa forma ġdida ta’ intermedjazzjoni finanzjarja billi indirizza nuqqasijiet fis-suq tal-kreditu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Paul Azzopardi, fakkar kif f’perjodu relattivament qasir ta’ ħames snin, l-MDB laħaq ‘il fuq minn 700 intrapriża li jħaddmu mal-40,000 persuna u kważi 400 student, fejn ta garanziji jew self ta’ ‘il fuq minn 600 miljun euro.
Is-Sur Azzopardi żied jgħid li s-self appoġġjat mill-MDB bħalissa jikkontribwixxi għal madwar 13% tas-self totali lin-negozju f’Malta. L-akbar impatt kien waqt il-pandemija, fejn is-self lin-negozju kiber b’9%, u li kieku ma kinitx għall-għajnuna tal-MDB, dan kien saħanistra jiċkien b’2.5 fil-mija.
L-ewwel skema, l-SME Guarantee Scheme, se tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għal self bankarju biex ikomplu jinvestu fin-negozju tagħhom. Il-kumpaniji se jkunu jistgħu jisselfu sa 750,000 ewro u l-MDB se jipprovdi garanzija ta’ 80 fil-mija fuq dan is-self. It-total massimu taħt din l-iskema se jkun ta’ 80 miljun ewro. B’kollaborazzjoni sħiħa mal-MCST taħt l-iskema Go-to-Market, parti mill-portafoll tal-SGS se jkun dedikat apposta ghal dawk l-istart-ups li jixtiequ jikkummerċjalizzaw l-ideat teknoloġici u innovattivi tagħhom.
It-tieni skema hija l-Guaranteed Co-Lending Scheme (GCLS). F’dan il-każ, l-MDB se jsellef direttament nofs is-self mitlub, u bank kummercjali in-nofs l-ieħor. Fl-istess ħin, l-MDB ser ikopri 60% mir-riskju fuq il-parti tas-self tal-bank kummerċjali. Din l-iskema hija intiża biex tgħin proġetti akbar li jaqbżu s-750,000 ewro. Din l-iskema se jkollha allokazzjoni totali ta’ 100 miljun, nofshom mill-MDB u nofshom mill-banek kummerċjali.