Il-Bank Malti għall-Iżvilupp, l-MDB, iffaċilita b’suċċess aktar minn €20 miljun f’self favorevoli taħt l-iskemi Further Studies Made Affordable u l-Further Studies Made Affordable Plus.
Dan tħabbar mill-bank stess li spjega li dan is-self jirrifletti l-impenn tal-bank biex jixpruna t-tkabbir tal-kapital uman, il-ħiliet u l-innovazzjoni.
Fil-fatt, sal-aħħar ta’ Novembru li għadda, dawn iż-żewġ skemi ġġeneraw b’€20.8 miljun f’self, b’appoġġ lil 545 student fl-istudji tagħhom, f’bosta oqsma ta’ studju ġeneralment barra l-pajjiż.
L-aktar korsijiet popolari kienu dawk marbutin mal-avjazzjoni b’29%, l-ekonomija u l-finanzi b’26%, u mediċina jew suġġetti marbutin mas-saħħa bi 11%.
Korsijiet marbutin mat-teknoloġija, l-arti u l-liġi wkoll kienu regolarment appoġġjati mill-bank.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, Leo Brincat, Chairperson ġdid tal-MDB, esprima s-sodisfazzjon tiegħu u l-apprezzament li l-bank laħaq dan it-tragward importanti.
“Naħseb dawn l-iskemi huma eżempju ħaj u prova ċara għaliex il-bank tagħna hu differenti minn banek oħrajn. Jagħtina ċans anke biex nuru d-dimensjoni soċjali tagħna biex ngħinu l-komunità Maltija. Fil-qosor grazzi għal skemi li ġew żviluppati tul is-snin u li se nkomplu nipperfezzjonaw, qed nagħtu l-opportunità lil studenti Maltin jispjeċjalizzaw f’oqsma li forsi mhawnx disponibbli fis-suq lokali ħalli jkomplu jkabbru t-talenti tagħhom u jkomplu jwessgħu l-għarfien tagħhom f’ċerti oqsma li għandna bżonn aktar nies jispeċjalizzaw.”
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-bank, Paul Azzopardi, sostna li, qabel dawn iż-żewġ skemi, kien diffiċli ħafna għal bosta studenti biex jaċċessaw self għall-edukazzjoni u b’hekk dawn l-iskemi wessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni b’mod sostanzjali, irrispettivament mir-riżorsi tal-istudent.