L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, innutat l-isforzi kollha tal-Gvern, partikolarment tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja.
Fi stqarrija l-MDA assigurat lill-Gvern li se tibqa’ tappoġġjah f’kull miżura li jieħu biex jgħin l-ekonomija Maltija tkompli miexja ’l quddiem filwaqt li qalet li tittama li pajjiżna ma jitpoġġiex fil-lista l-griża tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF.
Dan qalitu fl-isfond li pajjiżna rċieva kummenti sbieħ ħafna mill-Moneyval dwar l-azzjonijiet li qed jieħu kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Fil-fatt, il-Kumitat t’esperti kontra l-ħasil ta’ flus fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa magħruf bħala l-Moneyval qal li Malta għamlet progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
F’rapport li ġie ppubblikat minn sensiela ta’ rapporti oħra tal-Moneyval, jingħad li b’mod ġenerali, Malta laħqet il-kriterji stabbiliti mill-istituzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa wara għadd ta’ riformi mbuttati wkoll fl-aħħar xhur taħt l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Moneyval qal ukoll li r-rating ta’ Malta fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus mhux wieħed li ma jżommx jew ma jżommx ma’ parti mill-kriterji stabbiliti li jagħmlu pajjiż serju fis-settur finanzjarju.
Fost l-oħrajn dan ir-rapport ħareġ jinnota kif l-awtoritajiet Maltin irregolaw is-settur tal-proprjetà u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA tikkopera bi sħiħ mar-Reġistru Malti tal-Kumpaniji biex tassigura li kumpaniji li jaħdmu bil-liċenzja jkollhom l-awtorizazzjoni neċċessarja.
Ir-rapport semma wkoll il-ħidma tal-FIAU fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u ġie nnutat wkoll titjib fl-ispeditezza tar-rapporti li jidħlu fuq transazzjonijiet suspettużi.
Intant l-MDA appellat lill-partijiet involuti u lill-Maltin ġenwini biex ikunu ponn wieħed u jikkoperaw mal-Gvern.