L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, tilqa’ l-promulgazzjoni tar-regolamenti l-ġodda tas-saħħa u s-sigurtà fuq siti tal-kostruzzjoni.
Permezz ta’ stqarrija, l-assoċjazzjoni qalet kif dawn ir-regolamenti l-ġodda huma riżultat ta’ xogħol siewi li kellu jieħu l-perkors tiegħu, iżda li żgur li se jġibu titjib fid-direzzjoni t-tajba biex jiġi żgurat li s-saħħa u s-sigurtà tkompli tingħata l-importanza tant mistħoqqa fuq is-siti tal-kostruzzjoni.
Żiedet tgħid li, bħala assoċjazzjoni, kienet fuq quddiem nett biex tinsisti fuq bidliet neċessarji f’dan is-settur, b’mod partikolari, fid-dawl li din il-liġi l-ġdida se tkun qed tagħti lok li żviluppaturi jappuntaw rappreżentanti tagħhom, li jkunu professjonisti, biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà f’isimhom.
“Dan ir-rwol il-ġdid se jkun qed jiżgura li d-direzzjonijiet tas-supervisors tal-proġett ikunu qegħdin jiġu implimentati. Fost il-bidliet se jkun hemm iż-żieda ta’ poteri lis-supervisor tal-proġett li se jkun jista’ wkoll iwaqqaf ix-xogħlijiet f’każ li jiġu identifikati xi riskji fis-sit u anke l-obbligu li jżomm informata lill-awtorità kompetenti. Addizzjonalment, l-istess awtorità se tibda żżomm reġistru, li fih se jkun hemm informazzjoni dwar il-professjonisti kwalifikati li jkunu jistgħu jassumu r-rwoli relatati mas-saħħa u s-sigurtà,” kompliet l-MDA.
Dan filwaqt li ħabbret kif se tkun qed torganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni fuq l-implikazzjonijiet fil-prattika ta’ din il-liġi għall-membri interessati tagħha.