L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, laqgħet b’sodisfazzjon ir-regolamenti li tħabbru mill-Gvern dwar il-liċenzjar fl-industrija tal-kostruzzjoni filwaqt li ħeġġet lill-membri tagħha sabiex jagħtu l-ħsibijiet tagħhom dwar is-suġġett waqt il-konsultazzjoni pubblika.
L-MDA iddeskriviet din l-azzjoni mill-gvern bħala wirja tal-impenn sabiex dawk li ma jirrispettawx ir-regolamenti marbuta mal-iżvilupp ibatu l-konsegwenzi.
Stqarret ukoll li mhux se tħalli kuntratturi jibqgħu membri tal-MDA jekk dawn ma jkollhomx il-liċenzji saż-żmien stipulat fil-liġi, filwaqt li se tkeċċi lil kwalunkwe membru li jkollu l-liċenzja rivokata mill-Awtoritá konċernata.
Il-President tal-MDA, Michael Stivala, qal li l-MDA hija ħerqana għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali, filwaqt li saħaq li l-Assoċjazzjoni għandha tassigura livell ta’ servizz tajjeb u r-rispett lejn il-ġirien u l-pubbliku inġenerali. Stqarr ukoll li hemm bżonn li l-mod kif isir il-bini jitjieb.