“Din hija inizjattiva li ser tipprepara s-settur tal-kostruzzjoni għall-futur.” Hekk stqarret id-direttur ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, Deborah Schembri b’reazzjoni għall-iskema li ser tara disgħa u sittin persuna jew kumpanija igwadu minn investiment totali ta’ tliet miljun u sitt mitt elf ewro sabiex jaqilbu l-makkinarju tagħhom għal dak li jniġġes inqas jew li jaħdem permezz ta’ hybrid jew totalment bl-elettriku.
Hija qalet, “Din hija inċentiva li żgur kienet tajba għal nies li qegħdin fil-kostruzzjoni imma jiena ngħid ukoll għall-komunità. Jiġifieri jiena din l-inċentiva nħoss li hija inċentiva li minnha ser igawdi l-poplu.”
Din l-iskema ser twassal biex l-emissjonijiet minn dawn il-vetturi tal-kostruzzjoni jitnaqqsu bin-nofs. Schembri nnutat kif filwaqt li l-inġenji li qed jintużaw bħalissa fis-settur setgħu jibqgħu jintużaw għaliex huma konformi mar-regoli tas-settur, il-Gvern issa qed joffri din l-opportunità biex dawk involuti fis-settur jippreparaw il-flotta tagħhom għall-futur.
Schembri sostniet: “Għandna issa wkoll inġenji li jintużaw fil-kostruzzjoni li ser ikunu jagħmlu inqas ħsejjes, ħa jkunu jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent u allura jippreparaw din l-industrija tal-kostruzzjoni għall-futur.”