Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA qalet li laqgħet il-pubblikazzjoni taċ-Ċensiment dwar ir-residenzi f’pajjiżna.
Hawnhekk ġie nnutat kif minn dan iċ-Ċensiment joħroġ li l-maġġoranza tal-Maltin mhux biss huma sidien ta’ djarhom, imma qegħdin jinvestu fit-tieni jew fit-tielet proprjetà tagħhom.
Dan l-investiment jidher biċ-ċar f’bosta familji Maltin, speċjalment bil-predominanza tar-residenzi f’Għawdex, għal skop ta’ villeġjatura u anki biex jikru. Fil-fatt, hawn intqal li dan sar sors ieħor ta’ dħul għal bosta familji.
L-MDA nnutat ukoll li issa l-proprjetajiet vakanti naqsu ħafna meta mqabbel ma’ Ċensimenti passati u f’ħafna mill-każijiet dan ġara minħabba tilwim dwar wirt.
F’din l-istqarrija ntqal ukoll li r-reżiljenza fis-settur tidher biċ-ċar biż-żieda qawwija fir-residenzi primarji meta mqabbla ma’ dawk sekondarji.