Il-Malta Developers Association (MDA) tat ir-reazzjoni għall-proposta li saret mill-Partit Nazzjonalista biex ikun hemm bżonn l-approvazzjoni ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament biex ikunu approvati proġetti f’żoni li mhumiex għall-iżvilupp.
Dan għax wara li l-Partit Nazzjonalista qal li ma jridx żvilupp ODZ, issa qed jgħid li jrid il-politiċi jiddeċiedu dwaru. Il-Partit Nazzjonalista qal li għandu jkun hemm l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament, iżda jekk din ma tinkisibx żvilupp ODZ ikun approvat b’maġġoranza sempliċi.
Intant, l-MDA qalet li ilha tisħaq li bħala regola m’għandhiex tingħata aktar art għall-iżvilupp ’il barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ), b’mod partikolari għal skopijiet ta’ residenzi jew skopijiet kummerċjali.
Intqal li filwaqt li l-MDA tifhem il-motivazzjoni wara l-proposta, l-Assoċjazzjoni tħoss li din il-proposta hi vaga wisq u tista’ tkun addottata biss jekk ikunu ċċarati xi kwistjonijiet, fosthom:
- Il-bżonn ta’ differenza ċara bejn artijiet mhux minsusa u intatti fl-ODZ u artijiet oħra fl-ODZ ukoll li huma diġà żviluppati legalment u kommessi bil-bini.
- Il-bżonn li l-ewwel ikun hemm qbil minn kulħadd dwar fejn għandha tkun il-linja speċifika bejn żona għall-iżvilupp u le. Jidher li meta saret din il-linja saru xi inġustizzji li jikkonċernaw biċċiet żgħar ta’ artijiet. Dawn faċilment jistgħu jkunu rranġati għaliex hu ovvju li linja ma tagħmilx sens kif saret.
- Il-bżonn li jkun hemm qbil dwar definizzjoni ċara tal-kelma ‘proġetti’. Jekk bi proġetti wieħed ifisser kull tip ta’ żvilupp, allura nispiċċaw biex permess biex tinbena serra jew tkun estiża barriera ikun jeħtieġlu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan ma jkunx prattiku.
- Il-bżonn li jkun ċar f’moħħ kulħadd xi jkun jikkomprendi l-interess nazzjonali li jwassal lill-Parlament biex jagħmel eċċezzjoni għar-regola. Fi kwalunkwe każ kull permess hekk maħruġ irid l-ewwel jgħaddi mill-iskrutinju tal-awtoritajiet stabbiliti biex jipproċessaw applikazzjonijiet għal żvilupp.