Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman fakkar f’avviż legali rigward l-istorbju kawża tal-iskavar fuq siti tal-bini.
Dan fid-dawl tal-fatt li bħalissa ħafna nies jinsabu fi djarhom biex b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent tal-istorbju.
Fi stqarrija l-Kummissarju saħaq fuq id-direttivi li kuntratturi ma’ jistgħux jużaw makkinarju ta’ skavar qabel it-tmienja ta’ filgħodu.
Dan filwaqt li ma jistgħux jintużaw ukoll bejn is-2:00 u l-4:00 ta’ waranofsinhar, wara t-8:00 ta’ filgħaxija u matul il-ġurnata kollha tal-Ħadd jew f’festi pubbliċi.
Il-Kummissarju spjega li eżenzjonijiet huma permessi madakollu iktar restrizzjonijiet jistgħu jiġu imposti mill-Aġenzija għall-Kostruzzjoni tal-Bini.
Intant l-assoċjazzjoni Maltija tal-iżviluppaturi, l-MDA ukoll ħeġġet lill-iżviluppaturi sabiex inaqqsu l-inkonvenjent għall-persuni li qiegħdin fi djarhom anki f’dan iż-żmien tal-pandemija.
L-MDA qalet li fid-dawl li aktar nies jinsabu fi djarhom minħabba l-imixja tal-Coronavirus, tat direttivi lill-membri tagħha sabiex ma jsirx xogħol ta’ skavar u twaqqigħ ta’ bini qabel it-8:00 ta’ filgħodu.
Dan filwaqt li fejn hu possibli m’għandux isir xogħol ta’ storbju fil-ħinijiet ta’ mistrieħ.
L-assoċjazzjoni qalet li qed tara li jkunu rraportati dawk kollha fis-settur li għadhom qed jabbużaw f’din is-sitwazzjoni.