Kulħadd se jgawdi mill-ħinijiet ġodda li matulhom qed isiru x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar.
Qalet dan id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Dr Deborah Schembri, f’intervista ma’ ONE News.
Dan ġimgħa wara li tnaqqsu l-ħinijiet għal xogħlijiet ta’ skavar biex issa mhux qed isir iżjed xogħol ta’ dan it-tip wara l-erbgħa ta’ waranofsinhar.
Fil-fatt, filwaqt li sa ftit jiem ilu x-xogħol kien jibqa’ għaddej sat-tmienja ta’ filgħaxija, issa x-xogħol qed jieqaf mal-erbgħa ta’ waranofsinhar.
Dr Schembri spjegat li din il-bidla saret fuq xewqa tan-nies, hekk kif bosta kienu qed jilmentaw bl-istorbju wara l-ħin tax-xogħol: “Kienu jiġu ħafna nies mix-xogħol u l-ħsejjes jibqgħu għaddejjin u allura ridna nsolvu din il-problema. Billi ma jiqfux fil-ħinijiet ta’ nofsinhar imma jibqgħu għaddejjin u fil-fatt ikunu qed jaħdmu inqas sigħat, is-sitwazzjoni issa se tinbidel għal waħda fejn min jiġi mix-xogħol ma jkunx għadu qed jisma’ dak l-istorbju li forsi jkun hemm mal-ġurnata u jkun jista’ jgawdi l-familja tiegħu f’serenità.”
Hija qalet li din il-bidla ntlaqgħet tajjeb mill-iżviluppaturi, li fehmu l-inkonvenjent li kien qed jinħoloq għall-ġirien ta’ dawn is-siti: “L-ebda żviluppatur u l-ebda kuntrattur ma jkun jixtieq jidħol f’konfront mal-ġirien jew inkella li jkollu l-problemi mal-ġirien allura hija xi ħaġa tajba li inti tispjegalhom li din se tkun miżura li tibbenefika s-sitwazzjoni kollha u kienu pożittivi dwarha, ħarsu b’mod li raw li jista’ jsir il-ġid u kellna l-appoġġ tagħhom.”
Fuq kollox, Dr Schembri spjegat li l-iżviluppaturi fehmu li din hija miżura li se jgawdi minnha kulħadd: “Din hija miżura li ser tgħin kemm lin-nies, lill-ġirien, lit-terzi persuni li minħabba l-kostruzzjoni jkunu qed ibatu xi ftit l-effett imma anki tgħin ukoll lill-kuntratturi li issa jistgħu jibqgħu għaddejjin bix-xogħol mingħajr ma jieqfu u ma jkollhomx dawk is-sagħtejn fejn il-ħaddiema tagħhom ma jkunux qed jaħdmu.”