Il-Malta Developers Association taqbel mal-amnestija li se tingħata mill-Awtoritá tal-Ippjanar biex irregolaritajiet żgħar f’bini eżistenti ikunu jistgħu jiġu sanzjonata.
L-Awtoritá tal-Ippjannar ħabbret li jekk persuna jkollha parti mid-dar mhux konformi mal-liġi preżenti, se tkun qed tagħtik sentejn ċans biex tirregolarizza ruħek. B’reazzjoni għal din l-opportunità unika li se telimina problemi relatati ma’ bejgħ tal-propjetà, l-MDA spjegat li hawn numru sostanzjali ta’ sidien ta’ proprjetà, fosthom familji, li għandhom numru ta’ irregolaritajiet u li ma setgħu qatt jiġu sanzjonata.
Fi stqarrija, l-MDA fissret li dawn baqgħu hekk fuq il-karta għal numru ta’ snin b’dannu għas-sidien li jkunu jridu jbiegħu il-proprjetà tagħhom u li Amnestija bħal dik imħabbra hi l-unika rimedju għal din it-tip ta’ problema.
L-MDA madankollu enfassizat li l-Awtorità għandha tieħu in konsiderazzjoni l-impatt li jistgħu jħallu fuq il-madwar sabiex jiġu evitati anomaliji ġodda. L-Assoċjazzjoni appellat lill-membri tagħha kollha li fejn biegħu proprjetajiet b’dawn l-irregolaritajiet għandhom iħossuhom responsabbli u jagħmlu tajjeb volontarjament għal ħlas ta’ fees li dawn is-sidien attwali jridu jħallsu attwali biex jiġu ‘in regola’.
Fl-aħħar nett, l-MDA appellat wkoll lill-awtoritajiet biex mil-lum ’il quddiem jiżdiedu l-pieni għal kull min qiegħed jabbuża u jikser il-liġi.