L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvilupp, l-MDA, esprimiet tħassib serju dwar il-prattika li jiġu implikati kumpaniji privati f’inkjesti maġisterjali mibdija fuq talbiet ta’ terzi.
L-istqarrija qalet kif dawn l-inkjesti ma jkollhomx rimedji għal tali kumpaniji u qed jikkawżaw ħsara sinifikanti għar-reputazzjoni tal-entitajiet involuti.
Filwaqt li l-MDA saħqet li tappoġġja l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tenniet li ma tista’ qatt taqbel ma’ sistema fejn inkjesta tiġi attivata biss fuq il-bażi ta’ rapporti fil-gazzetti li ma jkunux ġew sostanzjati tramite preżentazzjoni ta’ evidenza kredibbli li tappoġġja tali talbiet.
Biex tkun żgurata l-ġustizzja proċedurali, l-MDA rrakkomandat fost oħrajn l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu formali li jagħti lill-kumpaniji implikati l-opportunità li jippreżentaw l-evidenza tagħhom u jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom.
Intqal kif minkejja n-nuqqas ta’ implikazzjonijiet ta’ ħtija, dawn il-proċeduri ħafna drabi jkollhom impatt kummerċjali negattiv għal kumpaniji li jimpjegaw mijiet ta’ individwi, dan kollu waqt li ma jimponu ebda responsabbiltà fuq dawk li jinstigaw l-allegazzjonijiet infondati.
Għaldaqstant, l-MDA ħeġġet lill-gvern biex jimplimenta riformi komprensivi sabiex tiġi stabbilita sistema li tkun ġusta, li tippermetti ebda lok għal abbuż, u sistema li tkun allinjata mal-prinċipji tal-ġustizzja u r-responsabbiltà.