Il-Kummissjoni Ewropea sabet li pjanijiet tal-Gvern Malti biex jappoġġa l- ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli huma konformi mar-regoli tal-UE dwar l- għajnuna mill-Istat. L-iskemi se jżidu l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, skont l-objettivi tal-UE dwar l-enerġija, mingħajr ma jfixklu l-kompetizzjoni. Minbarra Malta, kellha skemi simili l-Lussemburgu.
B’reazzjoni għal dan il-Malta Developers Association fissret kif dan huwa riżultat ta’ diskussjonijiet fit-tul bejn l-entitajiet governattivi u l-assoċjazzjoni. Permezz ta’ din l-għajnuna se jiġu żviluppati sistemi fotovoltajici ta’ kobor aktar min 1 MW, magħrufa bħala ‘Solar Farms’.
L-iżviluppaturi tal-MDA, flimkien mal-imprendituri fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, ser ikunu qed jinvestu iktar minn qatt qabel sabiex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropeja biex 10% tal-konsum gross tad-dawl ta’ Malta ikun minn dawn is-sorsi sas-sena 2020.
L-MDA ddikjarat li l-imprendituri li jaħdmu f’dan is-settur se jkunu qed jaħdmu bis-sħiħ biex din l-iskema tkun waħda ta’ suċċess. L-assoċjazzjoni saħqet li se tibqa’ impenjata biex tkompli taħdem mal-Gvern kif ukoll mal-awtoritajiet u s-service providers tal-enerġija alternattiva, bl-għan li s-settur ikompli jikber b’mod konsistenti.
Il- baġit totali tal-miżura se jkun madwar €140 miljun, allokati bejn l-2016 u l-2020. Il-Kummissjoni vvalutat il-pjanijiet skont il-linji gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija (iktar ‘il quddiem il-“linji gwida”), li jippermettu lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli taħt ċerti kundizzjonijiet.
Fi stqarrija l-MDA appellat lill-awtoritajiet biex titnaqqas il-burokrazija fil-proċess amministrattiv, biex jintlaħaq l-għan li dawn il-proġetti jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli.