Il-Malta Developers Association (MDA) tqis il-Master Plan għal Paceville bħala l-ewwel darba li fil-pajjiż sar attentat biex ikun hemm pjan li jħares lejn xi parti partikolari minn Malta b’mod olistiku flok li jitfasslu biss numru ta’ parametri li kull żvilupp ikun irid josserva mingħajr ma jingħata każ tal-effett globali tal-iżvilupp fl-inħawi fejn isir.
L-MDA fi stqarrija spjegat li tqis il-pass li ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar li tqabbad konsulenti magħrufa internazzjonalment biex ifasslu dan il-pjan bħala pass pożittiv li bħalu hemm bżonn isiru oħrajn għal inħawi oħra.
L-MDA appellat li minkejja li l-Master Plan hu maħsub b’mod professjonali ħafna xorta waħda jeħtieġ jingħata attenzjoni kbira meta l-Awtorità tasal għall-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Fi kliemha l-MDA fissret li l-pjan huwa wieħed ambizzjuż u għaldaqstant hemm bżonn li l-istakeholders kollha konċernati jaħdmu flimkien sabiex il-pjan jitwettaq sewwa.
Il-pjan ifisser li l-area tal-ispazju mibni se tikber b’madwar 500,000 m2 u d-densità tal-bini (building volume) se tikber konsiderevolment u għalhekk l-MDA tħoss li, qabel ma jibdew isiru l-iżviluppi individwali, għandha tingħata prijorità lit-titjib tal-infrastruttura u l-proposti dwar it-traffiku.
L-MDA tħoss li l-pjan naqas li jindirizza l-possibilità ta’ proġetti ġodda li jistgħu isiru flok bini eżistenti u kkonċentra wisq fuq disa’ siti partikolari. Temmen li ħafna mis-sidien tal-proprjetajiet eżistenti se jitħajru jirrinovaw jew jibnu mill-ġdid il-proprjetajiet tagħhom – possibilità li għandha tkun studjata. Din l-assoċjazzjoni appellat ukoll biex il-proġetti ġodda jilħqu l-ogħla livell possibbli ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli.
L-Assoċjazzjoni esprimiet ukoll li r-riklamazjoni ta’ art mill-baħar għandha tintuża għal proġett ta’ interess turistiku.
Aqra aktar: Il-privat se jinvesti €1.6 biljun f’Paceville