Kumitat tekniku tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, ippreżenta sett ta’ proposti lill-Ministru Ian Borg u lis-Segretarju Parlamentari Chris Agius, bl-iskop li iktar nies li ma jikkwalifikawx għal housing soċjali jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom.
Imfassal minn periti u inġiniera ċivili, il-kumitat ressaq proposti biex iwessgħu l-flessibiltà tal-politika eżistenti tal-bini.
Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal kif ir-regolamenti tal-bini preżenti ma jagħtux lok għal housing affordabbli:
“Hawn sezzjoni ta’ nies li qegħdin ibatu biex jixtru propjetà, l-ewwel dar tagħhom. Hemm nies li qegħdin jisseparaw u li qegħdin ibatu biex jixtru t-tieni propjetà li takkomodahom. Allura aħna qegħin naħsbu f’dan ir-rigward, aħna ma rridux nħallu lil ħadd lura. Nixtiequ li fil-pajjiż nkomplu nibnu fuq dak li bnew qabilna, li kulħadd ikollu dritt għal saqaf fuq rasu”.
Waħda mill-proposti hija biex propjetà ġdida li tinbena jkollha kmamar inqas mid-daqs standard kif inhu stipulat, biex b’hekk ikunu jistgħu jinbnew iżjed djar fuq sit wieħed, bil-kundizzjoni li dawn jinbiegħu bi prezz affordabbli.
L-MDA pproponiet ukoll li jitwaqqaf bord għal housing affordabbli magħmul minn membri tal-assoċjazzjoni, l-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll l-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern jeħtieġ jaħdem biex isir l-aħjar użu mill-propjetà u l-art, u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius innota kif minkejja d-diversi inizjattivi bħall-iskemi tal-first u second time buyers, xorta mhux jintlaħqu biżżejjed koppji u familji, u għalhekk jeħtieġ li ssir ħidma mill-Gvern għal iktar housing affordabbli.