Il-Kummissjoni Ewropea, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ Malta u ma’ stati membri oħra tal-UE, ospitat hackathon pan-Ewropew biex tgħaqqad is-soċjetà ċivili, l-innovaturi, l-imsieħba u x-xerrejja madwar l-Ewropa bil-għan li jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi għall-coronavirus.
L-#EUvsVirus Hackathon ġie organizzat bejn l-24 u s-26 ta’ April fejn matulu ġew indirizzati s-37 sfida marbuta mal-coronavirus li, is-soluzzjonijiet għalihom għandhom jiġu żviluppati u mqassma b’mod immedjat fis-Suq Uniku tal-UE. Il-premjijiet ġew imqassma f’ċerimonja li saret fit-30 ta’ April.
Dan il-hackathon laqqa’ flimkien lil aktar minn 20,000 parteċipant minn 147 pajjiż mill-Ewropa, l-Amerika, l-Awstralja, l-Asja u l-Afrika fejn dawn ipproponew 3,832 soluzzjoni. Tlettax minn dawn is-soluzzjonijiet ġew ippreżentati minn hackers Maltin. Fil-hackathon kien hemm 76 parteċipant minn Malta – 34 hacker u 42 membru tal-ġurija jew mentor. Ta’ min isemmi wkoll li Malta kellha t-tieni l-ogħla numru ta’ reġistranti għal kull miljun abitant. L-akbar numbru ta’ reġistranti kienu mill-Belt tal-Vatikan.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel, qalet li: “Dan il-hackathon pan-Ewropew huwa eżempju ta’ kif l-Ewropa tista’ tingħaqad flimkien fi żminijiet ta’ kriżi. Il-fatt li wieħed jista’ jara b’għajnejh it-turija ta’ solidarjeta ta’ din il-komunità ta’ innovaturi hija ta’ ispirazzjoni. L-aqwa talenti tagħna se jkunu qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex isibu soluzzjonijiet għall-coronavirus u jkunu ta’ sostenn għaċ-ċittadini. Din hija l-innovazzjoni Ewropea fl-azzjoni”.
Il-parteċipanti Maltin ġew indirizzati wkoll mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali, l-Onor. Clayton Bartolo. L-Onor. Bartolo tenna l-impenn ta’ Malta lejn l-innovazzjoni diġitali li tista’ ġġib bidla pożittiva fis-soċjetà. L-Onor. Bartolo ddikjara li: “Aħna konvinti li jistgħu jinstabu soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi għall-isfidi tas-soċjetà u t-tfixkil ikkawżat mill-virus.” L-Onor. Bartolo rringrazzja lill-parteċipanti għall-kontribut tagħhom u talli laqgħu l-isfida billi pprovdew is-soluzzjonijiet kreattivi, innovattivi u, forsi, anki opportunitajiet ġodda.
Tnejn mis-37 premju rebbieħ kienu sponsorjati mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u minn Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza. Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MCST u tal-Esplora, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, iddikjara li r-Riċerka u l-Innovazzjoni issa saru importanti aktar minn qatt qabel. Minkejja l-isfidi tiegħu, il-COVID-19 għaqqad id-dinja flimkien. Il-Kunsill emmen li dan il-hackathon għandu jingħata appoġġ minħabba li inizjattivi bħal dawn jagħtu l-opportunità liċ-ċittadini Maltin, li ġejjin minn diversi oqsma tal-ħajja, biex jinagħqdu mal-bqija tad-dinja ħalli jipproponu l-ideat tagħhom b’rabta mar-riċerka u l-iżvilupp, anke jekk huma qatt ma kienu intraprenditorjali qabel.
Il-premjijiet ingħataw lil xT BioE fil-kategorija Health and Life Research għall-iżvilupp bi proċess mgħaġġel ta’ vaċċin u antibody test, kif ukoll lil aiLearning fil-kategorija e-learning methods and tools għall-iżvilupp tagħhom ta’ soluzzjoni bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali bil-għan li jiġu ssimplifikati l-attivitajiet edukattivi, li jiffukaw fuq il-korrezzjonijiet tal-eżamijiet u kumpann ta’ tagħlim.
Parteċipant minn Malta bil-proġett Aidbind kien jifforma parti minn tim fost sitt rebbieħa. Permezz ta’ dan il-proġett ingħatat soluzzjoni għad-diskrepanza ta’ informazzjoni bejn id-domanda, il-provvista u l-finanzjament ta’ prodotti mediċinali, li jinkisbu b’donazzjonijiet jew b’karità. Il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed torganizza Matchathon sabiex tlaqqa’ t-timijiet u l-intrapriżi rebbieħa.
Dr Pullicino Orlando nnota wkoll li Malta qed tagħmel il-parti tagħha f’dawn iż-żminijiet iebsa u diffiċli. L-MCST, minbarra li qed jiffinanzja l-premjijiet tal-hackathon, flimkien mal-Malta Enterprise, nieda Fond għar-Riċerka u l-Iżvilupp dwar il-COVID-19. Il-fond ta’ EUR 5.3 miljun għandu l-għan li jgħin biex ikunu mtejba soluzzjonijiet jew ipprovduti oħrajn innovattivi fil-qasam tar-riċerka antivirali attwali jew oħrajn li huma rilevanti.
L-MCST jaqa’ taħt is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali filwaqt li l-Malta Enterprise taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Fond għar-Riċerka u l-Iżvilupp dwar il-COVID-19 ikkuntattja lill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija permezz tal-posta elettronika: ri.mcst@gov.mt jew irreġistra fuq plumtri.org