B’investiment massiċċ fl-Edukazzjoni mill-privat, mis-sena akkademika 2024/2025, il-Meditteranean College of Sport se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għall-istudenti Maltin u barranin, li jridu jitħarrġu fl-istess ħin kemm fil-qasam akkademiku kif ukoll dak sportiv.
B’faċilitajiet ‘state of the art’, il-Kulleġġ Sportiv Meditteranju saħansitra se jkun qed joffri fih ċentru għar-riċerka fi xjenza sportiva u kumpless, li jilqa’ fih ukoll akkomodazzjoni għal iżjed minn mitt student. Din l-innovazzjoni se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna.
Il-Meditteranean College of Sport se jħaddan taħriġ f’diversi dixxiplini sportivi, fosthom l-atletika, il-futbol, il-waterpolo u l-għawm. Se joffri wkoll l-opportunità lill-istudenti biex jeċċellaw kemm fil-ħiliet sportivi tagħhom, imma wkoll f’dawk akkademiċi b’opportunitajiet mill-aqwa.
L-għan ta’ dan il-kulleġġ sportiv indipendenti hu li joffri edukazzjoni ħolistika u sportiva lill-istudenti, li se jibdew l-edukazzjoni tagħhom mis-seba’ sena ’l quddiem, fejn il-ħiliet sportivi jiżżewġu ma’ dawk akkademiċi ħalli l-edukazzjoni tkun waħda kompluta.
Għal dan il-ftehim, minbarra George Micallef bħala d-Direttur tal-Iżvillupp Sportiv fi ħdan dan il-kulleġġ sportiv, tħabbar li l-Kap tal-Iskola fejn jidħol l-akkademiku se tkun Mariucca Fenech.
Tlabna lil Micallef jimraħ aktar fuq l-għan tal-kulleġġ.
George Micallef qal “L-iskop hu ta’ dual career, jiġifieri li l-istudenti atleti tagħna jeċċellaw kemm mill-aspett akkademiku kif ukoll mill-aspett sportiv, għax it-tnejn huma importanti ħafna. Il-kejl tas-suċċess tal-MCS ikun li aħna ngħarfu niżviluppaw b’mod ħolistiku lill-istudenti atleti tagħna, però anke bħala persuni. Fl-aħħar mill-aħħar irridu li jkollna persuni li jsibu l-aħjar ħiliet tagħhom u jilħqu l-massimu tal-potenzjal biex ikunu l-aħjar verżjoni tagħhom infushom. Allura dan hu l-iskop tagħna biex ngħinu lil dawn l-istudenti atleti jeċċellaw.”
Sadanittant, fil-Padiljun tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, ġie ffirmat ftehim bejn il-Meditteranean College of Sport u l-Hudson Group. Dan se jwassal biex l-istudenti atleti, li se jibdew jattendu dan il-kulleġġ sportiv minn Settembru tas-sena d-dieħla jiġu mgħammrin b’uniformijiet tal-aqwa kwalità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ Charlo Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar dan il-ftehim.
Charlo Bonnici qal “L-uniformi ta’ kull skola hi importanti ħafna minħabba l-immaġini ta’ dik l-iskola u għalina li qed nagħmlu dan il-ftehim ma’ ditta li tirrappreżenta n-Nike, li hi ditta marbuta mal-isport, hu importanti ħafna u nħarsu aktar ’il quddiem fi sħubija ma’ aktar kumpaniji ta’ dan it-tip.”