Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, flimkien mal-Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem pajjiżna, intqal li d-djalogu bejn il-Membri Parlamentari Ewropej u l-imsieħba soċjali huwa importanti sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fil-Parlament Ewropew favur il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Fost it-temi diskussi kien hemm dawk soċjali, ekonomiċi u ambjentali, u li l-Membri Parlamentari Ewropew eletti fil-ħames snin li ġejjin, għandhom jiffukaw fuqhom fil-ħidma tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul ħeġġeġ lill-Membri Parlamentari Ewropej biex ikunu proattivi f’dan id-djalogu u biex iwasslu l-vuċi ta’ pajjiżna, bħala l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea biex ikun żgurat li l-interessi ta’ Malta jkunu rappreżentati b’mod effettiv f’din l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Ellul sostna li din il-kollaborazzjoni għandha twassal għal soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli, li mhux biss jindirizzaw l-isfidi preżenti, iżda joħolqu opportunitajiet ġodda għall-futur.
“Wara stedina li għamilna, kellna magħna l-Membri Parlamentari Ewropej u dawk li setgħu jingħaqdu magħna kienu nvoluti f’diskussjoni dwar kif nistgħu insaħħu l-kolloborazzjoni bejn l-Imsieħba Soċjali u l-Membri parlemantari Ewropej. Nifhmu li l-politika tal-Unjoni Ewropea tolqot lilna direttament bħala pajjiż u anki lokalment u allura l-importanzza li dan id-djalogu jissaħħaħ biex anki l-Imsieħba Soċjali jkollhom informazzjoni ta’ dak li jkun għaddej fi Brussell.”
Waqt din il-laqgħa, il-Membri Parlamentari Ewropej Daniel Attard u Peter Agius spjegaw li bħalissa qed jiġu ffurmati l-kumitati parlamentari fil-Parlament Ewropew, li fihom iwasslu l-interessi ta’ Malta. Huma tennew fuq l-importanza li l-MCESD jiġi infurmat bil-punti ewlenin sabiex dan il-kunsill ikun jista’ jinkludihom fid-diskussjonijiet tiegħu u jagħti r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa.
L-imsieħba soċjali preżenti f’din il-laqgħa sostnew dwar l-importanza tad-djalogu soċjali bejn iż-żewġ naħat ħalli tkun żgurata ħidma b’risq il-familji Maltin u Għawdxin kollha.
“Rajna kif il-ħidma flimkien ma’ xulxin kemm f’ Malta u fi Brussell, biex fil-ġimgħat, x-xhur u s-snin li ġejjin, jistgħu jaħdmu fl-aħjar interess ta’ dak kollu li jgħodd għalina.”