F’laqgħa oħra tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD ġew diskussi speċifikament miżuri dwar it-tnaqqis tat-traffiku f’pajjiżna.
Din il-laqgħa saret fuq talba tal-Kamra tal-Kummerċ biex tkun diskussa din l-isfida, flimkien mal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Chris Bonett u entitajiet governattivi, fosthom Infrastructure Malta u Transport Malta.
F’din il-laqgħa, il-Ministru Bonett ippreżenta statistika ewlenija u spjega proposti tal-Gvern b’rabta ma’ dan is-suġġett. Huwa stieden lill-imsieħba soċjali sabiex jagħtu s-suġġerimenti tagħhom.
Il-Ministru Bonett enfasizza l-importanza ta’ kontribut kollaborattiv biex dawn il-miżuri jiġu mtejba, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw l-isfidi tat-traffiku f’pajjiżna.
Dr Bonett irrikonoxxa l-feedback kostruttiv f’dawn l-istadji bikrija u apprezza l-valur li d-djalogu soċjali jista’ jġib biex tiġi indirizzata din l-isfida.
L-MCESD afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jrawwem il-kollaborazzjoni sabiex jiġu appoġġati soluzzjonijiet ta’ trasport effettiv u sostenibbli għal Malta, kemm għal żmien qrib, medju, kif ukoll fit-tul.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u ċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb.