Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali John Bencini xejjen rapport li ħareġ fil-midja Nazzjonalista li kien hemm xi nuqqas ta’ qbil bejn l-imsieħba soċjali dwar azzjonijiet li ttieħdu fl-isfond ta’ żviluppi li għadda minnhom il-pajjiż fl-aħħar jiem.
Iċ-Chairman tal-MCESD saħaq li għal kuntrarju ta’ dak irrapurtat minn NET News, l-azzjonijiet ittieħdu bil-kunsens unanimu tal-imsieħba soċjali kollha bħala rapreżentanti fi ħdan l-MCESD.
Is-Sur Bencini kien qed jirreferi għal-laqgħat li saru mal-President ta’ Malta fejn l-imsieħba soċjali wrew l-impenn tagħhom li jgħinu biex is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal.
“Ma narax li huwa ġust li f’dan ir-rappurtaġġ intwerew ritratti ta’ rappreżentanti li l-organizzazzjoni li dawn jirrapreżentaw, qablet mal-andament tal-laqgħa”, saħaq iċ-Chairman tal-MCESD.
Temm jgħid li huwa jħares ‘il quddiem sabiex bħala msieħba soċjali jkomplu jiġbdu ħabel wieħed biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali.