Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, flimkien mal-membri tat-task force, iltaqgħu biex jiddiskutu l-‘Viżjoni Malta 2050’, l-istrateġija nazzjonali mmirata biex issawwar futur ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli għall-pajjiż.
Il-laqgħa ġabret flimkien lill-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, lis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, lill-membri tal-MCESD Task Force, l-imsieħba soċjali, kif ukoll konsulenti tekniċi mill-MCESD u mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Matul il-laqgħa, il-Gvern ippreżenta l-bażi inizjali tax-xogħol li sar s’issa, filwaqt li l-imsieħba soċjali taw ir-reazzjonijiet tagħhom dwar dak li ġie diskuss.
Id-diskussjoni ffokat fuq il-metodoloġija tal-viżjoni u l-prijoritajiet ewlenin, fosthom it-tisħiħ tal-ekonomija, it-titjib tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, it-trasport, is-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija, kif ukoll it-trawwim tas-sostenibbiltà.
Għawdex u l-isfidi uniċi li jiffaċċja kienu wkoll diskussi.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, iddeskriva l-inizjattiva bħala proġett kuraġġuż u dettaljat, fundamentali għall-futur ta’ Malta.
“Ġie ppreżentat lilna l-groundwork li għamel il-Gvern u l-imsieħba soċjali taw r-reazzjoni tagħhom. Bdejna wkoll nipprovaw nifformaw il-ħsieb u l-metodoloġija ta’ kif se nipprovaw nimmaġinaw lil Malta tiżviluppa f’din is-sena daqshekk importanti immirata tal-2050. Xogħol kbir, qalil u ta’ dettall li għad irid isir fil-ġimgħa u xhur li ġejjin.”
David Xuereb , Chairperson MCESD
“Flimkien, qed inpoġġu l-pedamenti għal futur sostenibbli, innovattiv, u prosperu, sabiex niżguraw li l-viżjoni fit-tul ta’ Malta tirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna. Irridu viżjoni ħolistika li tindirizza l-isfidi, toħloq l-opportunitajiet, u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd,”
Il-Ministru Silcio Schembri
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li l-viżjoni għandha tkun waħda li tilħaq l-aspirazzjonijiet u tirrifletti l-ambizzjonijiet tal-poplu kollu. Qal li din hija viżjoni ta’ poplu wieħed, miż-żgħażagħ sal-anzjani, mit-tfal sal-adulti. Huwa għalhekk li l-imsieħba soċjali issa jridu jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar Viżjoni Malta 2050 biex nassiguraw li nħallu pajjiż aħjar għal uliedna.
“Jeħtieġ li l-viżjoni tħaddan dawk il-valuri li jagħmluna Maltin, il-valuri tal-bżulija u tal-perseveranza, li wassluna għal Malta Repubblika ħamsin sena ilu u se jwassluna għal Malta ta’ għada,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul